Sinonimu mal-festa ta’ Santa Marija għandna d-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija f’pajjiżna. Konvoj li kien is-salvazzjoni għal dan il-poplu kemm mil-lat ta’ ikel, li kien skars, iżda wkoll mil-lat militari, hekk kif il-munizzjon u ż-żjut meħtieġa kienu waslu fi tmiemhom.
Iżda kemm verament nafu x’ġara matul din il-ġrajja. Kemm aħna konxji tal-avvenimenti li seħħew f’dan il-jum.
Il-kurżità wasslitni biex nintervista lil Raymond Agius li l-ġimgħa li għaddiet, flimkien ma’ Kite Group, ippubblika l-ktieb The Santa Marija Convoy – the fate of a nation. Il-ktieb fih 27 illustrazzjoni oriġinali tal-artist Raymond Agius, li jinkludu l-vapuri kollha merkantili li kienu fi triqithom lejn Malta biex iwasslu l-ikel lill-Maltin, fost oħrajn.
Dawn l-illustrazzjonijiet minn għada l-Ħamis sa nhar it-Tnejn li ġej se jkunu esibiti f’Bieb is-Sultan f’wirja organizzata mill-Fondazzjoni Wirt Artna. Wara, fis-27 ta’ Awwissu u t-13 ta’ Settembru, Fondazzjoni Wirt Artna se tieħu din il-wirja fil-Kripta ta’ Garison Chapel fi Pjazza Kastilja, il-Belt.
Raymond Agius twieled Malta u f’żgħożitu ħadem għal sitt snin mal-qawwa navali Ingliża u kif ukoll kien mekkanik, u jiddisinja u jibni armi tan-nar.
Wara li telaq mis-servizz hu mar l-Awstralja fejn kien jiddisinja u jiffabbrika l-apparat relatat mat-tħaffir u l-iskavi tal-minjieri. Maż-żmien daħal fis-settur tad-disinn u eventwalment laħaq id-direttur tad-dipartiment tad-disinn mal-kumpanija General Motors fl-Awstralja. Irtira mix-xogħol tiegħu sitt snin ilu.
Iżda minkejja li rtira, dan għamlu biss mix-xogħol formali tiegħu, għaliex bħalissa kif jgħid hu stess qiegħed jaħdem biex ikun ta’ ġid u servizz għall-oħrajn billi jgħin lin-nies ma jinsewx ġrajjiethom.
Fil-fatt, dan kien il-ħsieb wara din il-pubblikazzjoni li se nitkellmu dwarha dalwaqt. Raymond induna li kull meta jmur jara lil ommu fid-dar tal-anzjani u jibda jitkellem ma’ dawk ir-residenti li għandhom madwar 90 sena jew aktar u li laħqu xi ftit it-Tieni Gwerra Dinjija, dawn jirrakkuntaw biċċiet żgħar mill-istorja.
“Donnu ħadd ma jaf eżatt x’inhi l-istorja kollha wara d-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija f’Malta u x’kien il-ħsieb wara l-qawwa Ingliża biex dan seta’ jkun possibbli.” Raymond jistqarr li l-ħsieb li l-poplu Malti seta’ jitlef parti mill-istorja tiegħu “beda jkiddni” u għalhekk poġġa bilqiegħda u ra kif seta’ jkun ta’ ġid.
Raġuni oħra li Raymond semma dwar l-interess kbir f’dan il-qasam hi l-fatt li “jien twelidt 10 snin wara l-gwerra, u Malta ħadet ħafna fit-tul biex tirkupra. Allura d-diskussjoni prinċipali ta’ kuljum kienet dwar il-faqar tal-poplu u kemm il-gwerra kienet kerha.” Minħabba dan kollu, u peress li kien jaqra comics tal-gwerra, l-interess fih dwar din l-epoka kiber, tant li maż-żmien bena l-librerija personali tiegħu f’dan il-qasam u fiha ġabar kotba minn madwar id-dinja inkluż dawk ippubblikati mill-Alleati u l-għedewwa tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-ġrajja fil-qosor
Mitlub jirrakkonta fil-qosor il-punti ewlenin ta’ x’ġara matul it-Tieni Gwerra Dinjija b’rabta ma’ dan l-avveniment magħruf bħala ‘d-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija’, Raymond tbissem u beda jirrakkonta. Li ġara kien li fl-1942, f’nofs it-Tieni Gwerra Dinjija, il-militar Ingliż, kien infurmat li l-poplu Malti u l-militar Ingliż stazzjonat f’Malta kien fadlilhom 15-il ġurnata biss qabel iċedu bil-ġuħ u mingħajr munizzjon.
Kull vapur merkantili li qatt ipprova jidħol Malta mimli bl-ikel u l-munizzjon tgħarraq mill-għadu jew kien imġarraf tant li wieħed ftit seta’ jagħmel użu mill-merkanzija li kien hemm fih. Għalhekk tfasslet u daħlet fis-seħħ il-missjoni Pedestal, li kienet waħda mill-akbar missjonijiet navali li qatt kellha fl-istorja tagħha r-Royal Navy.
Fil-fatt din il-missjoni kienet tikkonsisti f’14-il bastiment markantili mimlijin ikel u munizzjon, skorta minn aircraft carriers b’numru kbir ta’ ajruplani fuqhom u finalment vapuri tal-gwerra.
L-għan tagħhom kien li jakkumpanjaw lill-konvoj u jipproteġuh mill-attakki tal-għadu, iżda peress li fil-bidu ma kien seħħ xejn, kemm l-aircraft carrier kif ukoll il-vapuri tal-gwerra daru lura.
“L-Ingliżi kienu jafu li mhux il-bastimenti merkantili kollha kienu se jaslu Malta tant li fil-fatt kulma daħlu kienu ħamsa. “Wieħed irid jinnota wkoll li f’din il-missjoni seħħet l-akbar battalja fuq il-baħar li qatt seħħet fit-Tieni Gwerra Dinjija,” temm jgħid Raymond.
Fattur importanti f’dawn il-bumbardamenti kollha fuq Malta u fl-ibħra tal-madwar kien il-fatt li l-Baħar Mediterran kien ikkontrollat kollu mill-Italja, il-Ġermanja u l-Vichy Franċiża. Kulma kien hemm allégeait kienu l-port ta’ Alessandra fl-Eġittu u dak ta’ :ibiltà li t-tnejn jinsabu fl-estremitajiet tal-Mediterran.
Fil-fatt il-laqam ‘il-Konvoj ta’ Santa Marija’ ġie minħabba li dawn il-bastimenti daħlu f’Malta fit-13, l-14 u l-15 ta’ Awwissu 1942, prattikament fil-festa ta’ Santa Marija.
Il-wirja u l-ktieb ‘The Santa Marija Convoy’
Raymond hu konxju li l-istorja ta’ pajjiżna hi sinjura, tant li mhux dejjem qed ikun possibbli li niftakru u nistudjaw kollox fid-dettall u ċerti avvenimenti qed jintilfu mas-snin. Għalhekk, il-Fondazzjoni Wirt Artna qed torganizza wirja dwar il-konvoj bl-illustrazzjonijiet tal-vapuri u assi tal-ajru, u Kite Group ippubblika ktieb li jirrakkonta l-istorja tal-Konvoj ta’ Santa Marija, b’mod li jkun ta’ interess għal kulħadd.
“L-għan tal-ktieb hu li jservi ta’ gwida għall-pubbliku, jagħti biżżejjed informazzjoni lill-qarrej dwar x’seħħ f’dawn il-ġranet, iżda fl-istess ħin joffri l-opportunità biex dak li jkun ikompli jimraħ fl-informazzjoni permezz tal-użu tal-internet.”
Raymond pinġa xeni mill-isbaħ tal-bastimenti fl-istorja, li għalihom intużat teknika differenti fosthom inka, watercolours, acrylic, żejt u oħrajn.
Kurżità li kelli kienet dwar kif tqassam dan il-ktieb. Raymond spjega li l-prinċipju hu wieħed bażiku. Bdew minn dak il-bastiment li ġie mgħarraq mill-għadu l-ewwel, u baqgħu sejrin sa dak li daħal fil-port ta’ Malta l-ewwel.
Kif bdejt nara l-ktieb, matul l-intervista, indunajt li m’hemmx informazzjoni dwar dawn il-bastimenti biss iżda hemm ukoll informazzjoni dwar l-ajruplani użati fil-gwerra.
Mistoqsi x’inhi r-rabta ta’ bejniethom, Raymond qal li minbarra l-informazzjoni relatata ma’ kull bastiment, ħass li għandu jpinġi u jinkludi l-ajruplani li kienu involuti fit-tiġrif jew it-tkissir komplet ta’ kull bastiment.
B’hekk il-qarrejja, minbarra informazzjoni relatata mal-bastimenti involuti fil-missjoni Pedestal, se jsibu wkoll informazzjoni dwar dawk il-mezzi, fosthom ajruplani u sottomarini, li kienu involuti fit-tiġrif ta’ dawn il-bastimenti, informazzjoni li ta’ min jiftakarha wkoll.
It-tieni u t-tielet parti tal-ktieb jikkonsistu f’informazzjoni u tpinġijiet ta’ parti żgħira mill-qawwa navali Ingliża u dik tal-ajru rispettivament, dawk il-bċejjeċ li kienu involuti f’din il-missjoni. Mistoqsi kemm hu smat li mietu baħrin f’din fil-missjoni Pedestal, Raymond jikkalkula li mietu madwar 1,000 baħri filwaqt li l-:ermaniżi tilfu madwar 300 ajruplan, tant li dik kienet waħda mill-akbar telfiet għalihom.
Il-wirja li qed tiġi organizzata mill-Fondazzjoni Wirt Artna u l-ktieb huma ta’ interess kemm għal min iħobb l-arti kif ukoll għal min iħobb l-istorja u għall-istudenti li jridu jkunu jafu aktar l-istorja ta’ pajjiżna.
Fil-ktieb hemm ukoll introduzzjoni mill-awtur Peter C. Smith li hu awtorità f’dan il-qasam. Peter C. Smith ippubblika aktar minn 70 ktieb fi tmien lingwi differenti. In-narrazzjoni li takkumpanja kull illustrazzjoni saret minn Christine L. Dvonch.
Kurżitajiet relatati mal-gwerra
Staqsejtu jekk kienx hemm fatti mistura iżda interessanti relatati mal-gwerra. Raymond tbissem u qalli li “r-rebbieħ dejjem jagħmel il-propoganda tiegħu fuq it-tellief, iżda l-Ingliżi qatt ma jsemmu li kellhom kaptan li l-vapur tiegħu ntlaqat mill-għadu u spiċċa biex kompla kissru biex ma jerġax jiffaċċja battalja oħra.”
Interessanti l-fatt jekk Raymond għandux għal qalbu bastiment partikulari fit-tpinġija tiegħu u ieħor li jxebbhu mal-karattru tiegħu. Raymond qalli li din “mistoqsija interessanti u li xbajt nistaqsiha lili nnifsi. Ftit tal-jiem ilu wasalt għall-konklużjonijiet tiegħi.”
“Bħala tpinġija jogħġobni ħafna l-SS Dorset, bastiment li kien immexxi minn kaptan għaqli u intelliġenti, tant li sakemm wasal 100 mil ’il bogħod minn Malta, lanqas kien qala’ balla waħda. Iżda xħin wasal madwar 100 mil il-kaptan iddeċieda li jmur mal-kumplament tal-konvoj u sab lill-Ohio jiġi bbumbardjat mill-qawwiet tal-għadu u hawn l-SS Dorset spiċċa mgħarraq. }gur li kieku baqa’ waħdu kien jidħol fil-port bla problemi.”
“Il-bqija, il-bastiment li nassoċja lili nnifsi miegħu hu l-HMS Nelson, bastiment kbir, immexxi minn kaptan għaqli, li kien jidħol fin-nofs bejn il-konvoj u l-bastiment tal-gwerra li qed jattakka, għax kien jaf li l-ajruplani tal-għadu kienu dejjem jonqsu wara kull attakk mill-bastiment tal-gwerra.”
“Jien personalment inħossni bħal dan il-bastiment, dejjem nidħol f’nofs l-affarijiet u nara li nipperswadi lil kulħadd biex naħdmu fuq proġett partikulari iżda fl-istess ħin niddelega biex isiru l-affarijiet fl-iqsar żmien possibbli u mingħajr piż żejjed fuq ħadd.”
Ambizzjonijiet personali
Mistoqsija leġittima kienet dik relatata mal-ambizzjonijiet personali tiegħu, ta’ fejn jixtieq jasal b’dan il-ktieb. Hu qal li l-ewwel u qabel kollox, biex il-Maltin u dawk kollha li għandhom rabta ma’ dan l-avveniment ma jinsewx dak li ġara.
Iżda l-ambizzjoni l-kbira ta’ Raymond hi li dan il-ktieb jinxtara minn kulħadd inkluż mit-tfal tal-iskejjel biex l-informazzjoni tkompli tinxtered fostna u b’hekk inkomplu nsaħħu l-kultura tagħna l-Maltin.
Esibizzjoni fil-jiem li ġejjin
Raymond Agius qal li l-Fondazzjoni Wirt Artna qed taħdem ħafna f’Malta biex turi minn xiex għadda pajjiżna. U dan hu wkoll li se tagħmel waqt il-wirja li se tiftaħ għada l-Ħamis b’Bieb is-Sultan, il-Birgu. L-għażla li l-ewwel tintwera l-Birgu, skont Raymond, kienet “waħda naturali”, għaliex “il-poplu Girbi, kien wieħed mill-aktar li sofrew matul dawn iż-żminijiet speċjalment minn bumbardamenti ħorox u bla waqfien, u għandu jingħata dan ir-rikonoxximent permezz ta’ din il-wirja.”
Imbagħad fil-Kripta ta’ Garrison Chapel, il-Belt, fi Pjazza Kastilja, bejn is-27 ta’ Awwissu u t-13 ta’ Settembru. Raymond qal li din il-wirja se ssir f’post li se jintuża għall-ewwel darba. Hu qal li din mhix wirja li għandha tattira lit-turisti biss, iżda fuq kollox għandha tattira lill-Maltin.
Esperjenzi passati u proġetti futuri
Għal Raymond Agius, din mhix l-ewwel esperjenza li jaħdem f’pajjiżna fil-qasam tal-arti jew il-letteratura. Fil-fatt, is-sena li għaddiet Raymond kien tella’ wirja tal-arti bl-isem ‘Behold the People’ li għaliha pinġa portraits ta’ diversi wċuħ ta’ nies importanti f’pajjiżna fosthom politiċi, kantanti, atturi, nies mill-qasam tal-ispettaklu u artisti.
Bħalissa Raymond qiegħed jaħdem fuq proġett ieħor relatat ma’ Malta, u fl-aħħar tas-sena d-dieħla se jtella’ wirja b’diversi pitturi ta’ iħirsa li huma popolari magħna l-Maltin. Ix-xewqa tiegħu hi li jagħti wiċċ lil dawn il-kreaturi tal-immaġinazzjoni, u l-istorja tagħhom.
Eżempju nsibu ‘t-Tork ta’ taħt it-taraġ’, u hu se jagħti wiċċ lil din il-fantażma, u l-informazzjoni marbuta miegħu, bħal, ngħidu aħna, li “żviluppa biex it-tfal billejl ma jinżlux it-taraġ u jweġġgħu, u mhux veru għax kien jeżisti.”
//= $special ?>