Il-kwistjoni tal-bini illegali, inkluż il-boathouses illegali li hemm f’diversi inħawi bħalma huma l-Armier, trid tiġi indirizzata.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal dan f’kummenti ma dan l-istazzjon dwar il-ħidma li qal li jrid jagħmel il-Gvern biex din is-sitwazzjoni tkun indirizzata.
Imma minkejja l-ftaħir tal-Gvern Laburista ta’ tolleranza zero għal bini illegali, jidher li l-Gvern għad m’għandu l-ebda pjan dwar kif se jiffaċċja din is-sitwazzjoni.
Sadattant, f’Ġunju li għadda f’kummenti lil media, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, Michael Falzon kien qal li kien għad m’hemmx ftehim dwar il-boathouses tal-Armier u jekk dawn humiex se jkunu sanzjonati. Hu kien qal li l-Gvern kien qed jaħdem biex jirregolarizza s-sitwazzjoni u kien qed jistudja l-possibbiltajiet kollha.
Jidher li fit-taħditiet li kienu saru ma dak li kien is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, illum Ministru ghall-Familja u s-Solidarjeta` Socjali, kienet issemmiet il-possibbilta` li l-boathouses illegali jkunu sanzjonati b’ċerti kundizzjonijiet.
Fost dawk kien hemm li jitwaqqgħu il-boathouses li inbnew wara s-sena 1992 u dawk li huma qrib fdalijiet ta’ wirt storiku u li huma eżatt max-xatt.
Kien intqal ukoll li l-Gvern kien qed jikkunsidra li jwaħħal multa u jfassal rata ta’ kera bħala kumpnes għal bini illegali fuq art tal-Gvern.
It-taħditiet bejn is-sidien tal-boathouses u l-Gvern kienu bdew wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
//= $special ?>