Internazzjonali

Papa Franġisku kompla biż-żjara tiegħu fil-Korea t’Isfel

Hekk kif issoktat iż-żjara tiegħu fil-Korea t’Isfel, il-Papa Franġisku mexxa quddiesa fil-bidu ta’ żjara ta’ ħamest ijiem f’dan il-pajjiż fil-kontinent Asjatiku. Fil-fatt, madwar ħamsin elf persuna attendew din il-quddiesa mmexxija mill-Papa li saret go stadium tal-futbol fil-belt ċentrali ta’ Daejeon.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni li mexxa, l-Papa appella lill-Korea t’Isfel – id-dar ta’ uħud mill-aktar persuni sinjuri fid-dinja – biex toqgħod attenda mill-‘kanċer spiritwali’ li ħafna drabi jakkumpanja lil soċjetajiet sinjuri.

Waqt il-quddies il-Papa offra wkoll talb ghat-tlett mija u erba’ vittmi tat-traġedja tal-ferry li għereq b’aktar minn 300 persuna, il-maġġoranza tagħhom żgħażagħ. Qraba tal-vittmi kienu preżenti waqt iċ-ċelebrazzjoni.

Fil-Korea t’Isfel hemm b’kollox madwar 5 miljun kattoliku, li jfisser ftit aktar minn 10 fil-mija tal-popolazzjoni kollha tal-pajjiż.

Iċ-ċelebrazzjoni biex tfakkar il-bidu taż-żjara tal-Papa fil-pajjiż saret wara li l-Papa appella għal djalogu bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel – appell għall-paċi li ġie ftit sigħat biss wara li l-Korea ta’ Fuq sparat missili ftit qabel il-wasla tal-Papa Franġisku fil-Korea t’Isfel.

Aktar tard il-Papa wkoll attenda festival Kattoliku taż-Żgħażagħ fejn indirizza eluf ta’ żgħażagħ li nġabru għal din l-attivita’. Hawn hu ħeġġeġ iż-żgħażagħ biex jagħtu kas l-affarijiet serji fil-ħajja u jwarrbu l-materjaliżmu.

Fost l-impenji l-aktar importanti waqt iż-żjara tal-Papa fil-Korea t’Isfel hemm il-beatifikazzjoni ta’ aktar minn 120 Korean li mietu fis-sekli tmintax u dsatax u jmexxi quddiesa għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni li mistennija ssir nhar it-Tnejn li gej, fl-aħħar jum taż-żjara tiegħu f’dan il-pajjiż.