Għal darb’ oħra fi żmien tliet snin Malta qed isservi bħala pajjiż li qed jilqa’ mijiet kbar ta’ ħaddiema barranin li qed ikunu evakwati mill-Libja minhabba l-glied li hemm bejn gruppi armati differenti.
Ftit wara l-ħdax ta’ filgħodu fil-Port il-Kbir daħal il-vapur bl-isem MV Bridge tal-linja marittima European Sealines.Com b’madwar 850 persuna abbord li kienu evakwati mil-Libja. Fost dawn kien hemm ħaddiema Filippini, Indjani u Spanjoli u anke l-ħames ħaddiema Maltin.
Dawn il-ħaddiema kollha telgħu abbord il-vapur MV Bridge minn Bengazi u minn Misrata fuq l-inizjattiva tal-Gvern tal-Filippini. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti u dak tal-Filippini għamlu l-arranġamenti meħtieġa biex il-ħaddiema li l-maġġoranza tagħhom huma Filippini, jkunu evakwati lejn Malta.
Il-ħaddiema Filippini, Indjani u ħaddiema oħra minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea baqgħu abbord il-vapur sorġut fix-Xatt ta’ Pinto, il-Floriana, sakemm aktar tard illejla jitwasslu fl-ajruport biex minn hemm ghal habta tal-hdax ta’ bil-lejl jaqbdu titjiriet lejn pajjiżhom. Imma l-ħaddiema Maltin flimkien ma xi ħaddiema Spanjoli tniżżlu l-art.
Sadattant, aktar kmieni llum, il-katamaran tal-Virtu Ferries San Ġwann wasal Malta bi ftit aktar minn 300 ħaddiem, Indjani u Koreani. Il-katamaran rabat ukoll fix-Xatt ta’ Pinto ftit boghod mill-vapur MV Bridge. Jidher li l-vjaġġ tal-katamaran kien organizzat mill-kumpanija Daewoo u telaq minn Zuwaytinah fin-nofsinhar ta’ Bengazi il-Ħamis filgħaxija.
//= $special ?>