Lokali

WasteServ mhix tipprovdi biżejjed enerġija lill-pixxina tal-inspire

Matul l-aħħar ġimgħat il-pixxina terapewtika tal-Fondazzjoni Inspire f’Marsascala ma kinitx qed tissaħħan bit-temperatura meħtieġa.

Waħda mir-raġunijiet hi li l-WasteServ ma kinitx qed tiġġenera biżżejjed enerġija mit-trattament tal-iskart fl-Impjant ta’ Riċiklagg ta’ San Antnin, liema enerġija kienet qed tintuża biex tissaħħan il-pixxina tal-Inspire.

Il-Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire, Nathan Farrugia, ikkonferma dan ma’ dan l-istazzjon. Hu spjega li raġuni oħra hi li l-boiler tal-Inspire li kien jintuża biex jikkumplimenta l-enerġija pprovuta mill-WasteServ, m’għadux effiċjenti u għalhekk l-Inspire ordnat boiler ġdid. Dan jiswa madwar għaxart elef ewro u mistenni jasal Malta sitt ġimghat oħra.

Normalment it-temperatura tal-pixxina kienet tinzamm madwar 31 grad celsius, imma fl-ahhar gimghat it-temperatura tal-pixxina kienet ta’ 29 grad celsius. Ghalkemm fis-Sajf din hi accettabbli, fix-Xitwa jkollha tintuza ferm aktar energija biex il-pixxina tinzamm f’temperatura gholja b’mod kostanti.

Mill-aħħar tas-sena 2012, il-pixxina tal-Inspire kienet qed tissaħħan permezz tal-enerġija ġġenerata mill-WasteServ fil-proċess biex l-iskart organiku isir kompost. Dan flimkien mas-sħana iġġenerata mill-boiler tal-Inspire kien bizzejjed biex il-pixxina tinżamm fit-temperatura meħtieġa.

F’kummenti lil dan l-istazzjon, il-kelliem tal-Oppozizzjoni dwar l-Enerġija, George Pullicino qal li meta ma jintużax dak li jissejjah clean biowaste, jkun effettwat l-ammont ta’ enerġija ġġenerata. Għalhekk dan jiddependi minn kif titħaddem din is-sistema.

George Pullicino qal li matul l-aħħar sena u nofs dawk li kienu jmexxu l-WasteServ tneħħew mill-Gvern jew kellhom jitilqu u dan żgur li kellu effett fuq kif jitħaddem l-Impjant ta’ Riċiklaġġ.

Il-pixxina tal-Inspire f’Marsascala b’tul ta’ 25 metru, magħrufa bħala hydrotherapy pool, hi l-iktar forma popolari ta’ terapija li tintuża minn nies b’kundizzjoni ta’ diżabbilta’ fiżika u minn oħrajn li jkollhom bżonn terapija partikolari. L-ilma sħun jnaqqas l-istress fuq il-ġogi u jgħin biex jissaħħu l-muskoli u biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni.