L-Ingliż Adam Gemili għeleb lir-rivali Franċiż Christophe Lemaitre biex rebaħ il-midalja tad-deheb fil-finali tal-200m waqt il-Kampjonat Ewropej li qed isiru fi Zurich. Serhiy Smelyk spiċċa t-tielet.
Gemili, li għad għandu 20 sena, beda karriera professjonali fl-atletika fl-2012 u minn dakinhar ‘l hawn baqa` javanza u llum-il ġurnata hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa talenti li hawn fl-Ewropa. Minkejja li t-tellieqa saret fil-kesħa u fuq track imxarrba, Gemili irnexxielu jagħmel ħin ta’ 19.98′, li hu l-aqwa ħin tiegħu. Il-midalja li rebaħ Gemili kienet il-mitt waħda li rebħet l-Ingilterra f’dawn il-Kampjonati.
“Ninsab ferm kuntent. Kont ilni noħlom li nsir champion tal-Ewropa u issa din il-ħolma saret realta`,” qal Gemili wara li rebaħ it-tellieqa. Gemili sar l-ewwel atleta Ingliż f’dawn l-aħħar 16-il sena li rebaħ dan it-titlu Ewropew. L-aħħar atleta li għamel dan kien Dougie Walker. Ta min jiftakar li riċentament Gemili rebaħ il-midalja tal-fidda fil-100m waqt il-Logħob tal-Commonwealth.
//= $special ?>