Jum wara li l-eks kowċ ta’ Juventus Antonio Conte ġie maħtur bħala kowċ tat-tim nazzjonali Taljan, kienu diversi adwk li faħħru din id-deċiżjoni minn naħa tal-FIGC. Conte ħalla lil Juventus xahar ilu u mall-ewwel kienu bdew l-ispekulazzjonijiet li dan kien se jibda jmexxi lill-Italja, anke jekk jidher li kien hemm interess fih minn naħa ta’ PSG.
L-eks gowlkiper internazzjonali Dino Zoff, il-kowċ ta’ Fiorentina Vincenzo Montella u l-midfielder ta’ Roma Miralem Pjanic kollha faħħru din il-ħatra. Conte iffirma kuntratt mal-FIGC sal-2016 u dan ifisser li se jmexxi lit-tim jekk eventwalment jikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej li dakinhar se jsiru fi Franza.
“Conte għandu l-grinta ġusta biex imexxi lit-tim wara d-diżappunt tat-Tazza tad-Dinja. Nemmen li kapaċi jittrasforma lit-tim Taljan minn wieħed ta’ livell normali għal wieħed ta’ livell mill-aqwa. Hu ovvju li wieħed irid jagħtih ċans jaħdem imma nemmen li biż-żmien it-tim nazzjonali se jkun jixbaħ lil dak ta’ Juventus,” qal Zoff. L-Italja iddiżappuntat bil-kbir waqt it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil u sfat eliminata fil-fażi tal-gruppi filwaqt li taħt it-tmexxija ta’ Conte, Juventus rebħu l-kampjonat għal tliet darbiet konsekuttivi.
“F’dawn l-aħħar snin Conte wera li hu kowċ rebbieħ u nemmen li f’dan il-mument hu l-persuna ġusta biex imexxi lill-Italja. Nemmen li l-FIGC ma setgħux jagħżlu persuna aħjar minnu,” qal Montella.
//= $special ?>

