Talanqas tmenin raġel tal-komunità Yazidi spiċċaw immassakrati taħt idejn il-militanti tal-Grupp Stat Iżlamiku (IS) u wara li l-vittmi kienu ngħataw ultimatum biex jikkonvertu għall-Iżlam jekk riedu li jsalvaw ħajjithom.
Il-massakru seħħ fil-villaġġ ta’ Kawju, fit-Tramuntana tal-Iraq, u fost ir-rapporti li l-militanti anki ħatfu numru ta’ tfal u nisa mill-istess inħawi.
L-atroċitajiet tal-IS kontra l-minoranzi li mhumiex Musulmani Sunniti – u li jinkludu l-Kristjani – jidhru li m’għandhomx tmiem fl-Iraq. Dan waqt li l-militanti tal-IS iffurmaw Kalifat mit-territorju li ħatfu u okkupaw fis-Sirja u fir-reġjuni Iraqin tat-Tramuntana.
Intant, rapporti aktar tard qalu li drone tal-Istati Uniti qered żewġ trakkijiet li kien mimli bil-militanti tal-IS li jingħad li ħadu sehem fl-aħħar massakru. Ingħad ukoll li ajruplani tal-gwerra kkonċentraw l-attakki fuq il-pożizzjonijiet tal-militanti Iżlamiċi f’Mosul, iżda r-rapporti ma speċifikawx jekk l-ajruplani kinux Amerikani inkella tal-Gvern Iraqi.
Ingħad ukoll li l-Yazidi li kienu residenti f’Kawju u xi villaġġi oħra, qabel, kienu ngħataw il-garanziji mill-awtoritajiet fil-villaġġi Musulmani Sunniti tal-istess zona li huma kellhom jingħataw il-protezzjoni xierqa. Madankollu jidher li dawn l-awtoritajiet ma setgħux iżommu kelmthom ladarba l-militanti tal-Istat Iżlamiku ddeċidew li jattakkaw liċ-ċivili Yazidi fl-inħawi speċifiċi.
L-aħħar rapporti, imbagħad, indikaw li t-tfal u n-nies li nħatfu mill-ġellieda tal-Istat Iżlamiku ttieħdu lejn il-belt ta’ Tal Afar, li tipprovdi bażi ewlenija għall-istess militanti.
Il-Kristjani li qed jgħixu fl-Iraq ukoll huma taħt theddida diretta mill-militanti tal-Istat Iżlamiku u meta huma, bħalissa, qed jaħarbu bl-eluf mill-inħawi li kapaċi jkunu dalwaqt okkupati mill-istess ġellieda fanatiċi li, fl-aħħar jiem, kienu qed javvanzaw fid-direzzjoni ta’ Bagdad.
Hu kkalkulat li mal-1.2 miljun Iraqi spiċċaw ħarbu minn djarhom biex ma jisfawx huma wkoll vittmi tal-vjolenza li qed iwettaq il-grupp Stat Iżlamiku.
Dan waqt li komunitajiet sħaħ ta’ Kristjani u Yazidi kienu mġiegħla jabbandunaw ir-reġjuni tal-Iraq lejn it-Tramuntana, u meta l-istess destin kellu jmiss lill-Iraqin Xiti li l-militanti Sunniti ma jqisuhomx bħala l-‘vera Musulmani’.
Intant, xi mexxejja tal-minoranza Musulmana Sunnita qalu li jistgħu jaħdmu kontra l-militanti tal-IS, b’koperazzjoni mal-Prim Ministru ġdid tal-Iraq, Haider al-Abadi, li hu fid-dmir li jġib lura l-ordni u l-istabbiltà f’pajjiżu.
//= $special ?>

