Internazzjonali

Il-Papa jibbeatifika l-martri fil-Korea t’Isfel

Il-Papa Franġisku, ilbieraħ, iċċelebra quddiesa għall-massa f’Seoul biex jibbeatifika 124 Kattoliċi Koreani li kienu nqatlu għall-fidi tagħhom matul is-sekli tmintax u dsatax.

Iċ-ċerimonja saret fi Pjazza Gwanghwamun, u waqt it-tielet jum taż-żjara tal-Papa fil-Korea t’Isfel. L-avveniment kien segwit minn mijiet ta’ eluf ta’ devoti li semgħu lill-Papa jfaħħar lil dawn il-beati ġodda talli huma kienu lesti biex jagħmlu s-sagrifiċċji kbar għat-twemmin tagħhom.

Il-Papa jinsab l-Asja għall-ewwel darba mindu hu laħaq Kap tal-Kattoliċi f’Marzu tal-2013. Sadanittant, il-Papa, s’issa, iltaqa’ ma’ Koreani li salvaw mit-traġedja bil-vapurett ‘Sewol’ li kienet seħħet f’April li għadda. Dan wara li hu, nhar il-Ġimgħa, kien mexxa l-ewwel quddiesa għall-pubbliku f’dan ir-reġjun.

Il-Papa Franġisku jikkonkludi l-mawra tiegħu fil-Korea t’Isfel proprju għada. Intant, din iż-żjara hi partikolarment sinifikanti għaliex in-numri tal-Kattoliċi f’dan il-pajjiż qed jiżdied kontinwament, tant, li ‘il fuq minn għaxra fil-mija tal-popolazzjoni – jew 5.4 miljuni – qed iħaddnu l-fidi Kattolika.