Il-programm ta’ salvataġġ Mare Nostrum mħaddem mill-Italja wasal fi tmiemu u l-Unjoni Ewropea għandha tieħu f’idejha din ħidma ta’ salvataġġ fil-Mediterran.
Sostna dan il-Ministru tal-Intern Taljan, Angelino Alfano, b’reazzjoni għall-aħbar li żewġ immigranti mietu waqt li ġew salvati 1,500 mill-Qawwa Navali Taljana fl-aħħar 24 siegħa. Sa’ issa, din is-sena waslu l-Italja aktar minn 100,000 immigrant.
Angelino Alfano, qal li huwa kburi li pajjiżu kien qed isalva l-ħajjiet tal-immigrani li kienu ġejjin mill-pajjiżi Afrikani mingħajr waqfien. Mingħajr il-ħidma tal-awtoritajiet Taljani il-Mediterran kien jiġi xmara ta’ mewt.
Mandanakollu, Alfano reġa’ tenna l-pożizzjoni tal-Gvern Taljan li l-ħidma ta’ salvataġġ fil-Mediterran għandha taqa’ taħt ir-responsabbilita’ tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ħamis filgħaxija waslu f’Ragusa 279 immigranti irregolari mil-Libja filwaqt li l-Ġimgħa ġew salvati 212 minn dgħajsa oħra f’Reggio Calabria. Fil-port ta’ Napli waslu aktar minn 1,000 immigrant ieħor.
Angelino Alfano qal li l-Italja kienet ta’ eżempju meta permezz tal-ħidma ta’ salvataġġ fil-Mediterran Mare Nostrum, li ġie varat f’Ottubru li għadda, ġew salvati mas-70,000 immigrant.
L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qalet li sa’ issa, din is-sena hu stmat tilfu ħajjithom madwar 800 immigrant irregolari. Żieda meta mqabbel mas-600 fl-2013 u 500 immigrant irregolari fl-2012.
//= $special ?>

