Lokali

AĠĠORNATA: Il-qtugħ ta’ dawl fl-ajruport hu “inaċċettabbli” – ALPA

Aġġornata bi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (taħt)

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA, fi stqarrija dwar l-aħħar qtugħ tad-dawl, speċifikament is-sitwazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ikkritikat lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għan-nuqqas t’infrastruttura biex tassigura servizz kontinwu.

L-ALPA qalet li din hi sitwazzjoni inaċċettabbli li saħqet li wasslet għal dewmien addizzjonali u spejjeż żejda fuq il-linji tal-ajru.

L-ALPA qalet li filwaqt li tinnota l-wegħda tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li ma jerġax ikun hemm problemi bil-‘generators’, l-ALPA qalet li mhux veru li l-ajruport dam 25 minuta biss wieaqf, kif ġie ġustifikat mill-Ajruport.

L-ALPA fl-istqarrija tagħha ħeġġet lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex jiffissa l-prioritajiet tiegħu, u minflok jiftaħar bin-numri ta’ passiġġieri, l-Ajruport għandu jinvesti ammont sostanzjali ta’ flus u riżorsi f’apparat neċessarju u proċeduri sabiex fjask bħal ta’ nhar it-Tlieta ma jerġax jirrepeti ruħu.

Intant, fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta – l-MIA – qal li qiegħed iwettaq inkjesta dwar x’wassal biex il-ġeneraturi tal-elettriku ma jaħdmux waqt il-qtugħ nazzjonali ta’ dawl nhar it-Tlieta li għadda. Sa’ issa l-investigazzjoni eskludiet li l-ġeneraturi ma kienux miżmuma sewwa jew mingħajr diżil.

Kelliem għall-MIA qal li saret simulazzjoni 48 siegħa wara li nqata’ d-daw, bl-istess kundizzjonijiet u mingħajr ebda aġġustament lill-ġeneraturi, u kollox ħadem sewwa.

L-MIA qalet li wara l-blackout mal-pajjiż kollu t-Tlieta, issosspendiet l-operazzjonijiet kollha mir-runway għal 25 minuta. Madanakollu, l-Air Traffic Control żamm ir-runway magħluqa għal siegħa u ħamsa u erbgħin minuta bħala prekawzjonijiet tas-sigurta’.

Dwar il-kritika min-naha tal-ALPA, fl-istqarrija l-MIA irriggrazzjat lill-unjin għall-interess li ħadu wara l-blackout imma sostniet li jekk se jkun hemm xi diskussjonijiet dwar xi rimedju, dawn se jsiru bejn l-ajruport u l-linji tal-ajru li ġew milquta.