Lokali

Illum Festa Ġelati f’Birżebbuġa b’risq il-Fondazzjoni Qalb it-Tfal

10% tat-trabi li jitwieldu f’pajjiżna, jispiċċaw riedu jqattgħu numru ta’ ġranet, ġimgħat jew xhur f’diviżjoni magħrufa bħala NPICU (Neonatal Pediatrics Intensive Care Unit, jew fi kliem komuni, l-ITU tat-trabi.

Ir-raġunijiet huma varji iżda waħda mill-aktar komuni hi dik minħabba li t-tfal ikunu twieldu qabel iż-żmien. Fl-2013, Roderick Cachia flimkien mal-mara tiegħu Liliana waqqfu l-Fondazzjoni Qalb it-Tfal, biex l-għan tagħha jkun dak li jgħin dan id-dipartiment fl-Isptar Mater Dei, li hu deskritt bħala t-tieni l-aqwa dipartiment tax-xorta tiegħu fl-Ewropa u dan jitkejjel mir-rata ta’ għajxien ta’ dawn it-trabi.

Roderick u Liliana, waqqfu din il-fondazzjoni, wara li ġew bżonn huma stess dan id-dipartiment wara t-twelid tat-tewmin tagħhom qabel iż-żmien. F’dawn is-sentejn il-fondazzjoni daħlet għal tliet proġetti, tnejn li għandhom x’jaqsmu mal-NPICU li wieħed diġa’ konkluż u ieħor qed issir bħalissa, filwaqt li t-tielet proġett għandu x’jaqsam ma’ skola partikolari. Dan kollu kien possibbli grazzi għad-donazzjonijiet miġbura mill-pubbliku.

Ftit tal-ġranet ilu, bil-għan li jinġabru l-fondi saret spedizzjoni bejn Malta u l-Norveġja b’vann Austin J4 tal-1974 u llum u għada f’Birżebbuġa se tittella’ attivita’ bl-isem ta’ Festa Ġelati bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-istess lokalita’ u Banda San Pietru bil-qligħ kollu jmur għal Fondazzjoni Qalb it-Tfal. L-attivita’ se ssir fejn ix-xatt ta’ Birżebbuġa u l-attivitajiet jibdew fis-7.30pm bi spettaklu mill-isbaħ fuq il-palk. Għat-tfal se jkun hemm ukoll numru ta’ karattri tad-Disney mill-M.I.C.C.A’S Entertainment fejn wieħed jista’ jieħu wkoll ritratti magħhom, bil-flus kollha jmorru għall-fondazzjoni ‘Qalb it-Tfal’. Kulħadd imħeġġeġ jattendi.

Fir-ritratt: Roderick u Liliana Cachia flimkien mat-tewmin tagħhom

Aktar dettalji dwar il-Fondazzjoni Qalb it-Tfal u l-esperjenza ta’ Roderick Cachia u l-familja tiegħu fil-ħarġa ta’ il-mument.