Internazzjonali

Isibu l-immigranti ġo container

IR-RENJU UNIT: Il-Pulizija ta’ Essex qed jinvestigaw is-sejba ta’ ‘l fuq minn tletin persuna, inklużi t-tfal, li kienu ġo container li tniżżel minn fuq vapur fit-Tarzna ta’ Tilbury.

L-immigranti kienu ġejjin mis-sottokontinent Indjan u numru minnhom ittieħdu l-isptar biex ikunu trattati għall-effetti tal-hypothermia u dehydration. Kien anki ikkonfermat li tilef ħajtu raġel li kien fost dan il-grupp ta’ immigranti. L-iskoperta ta’ dawn in-nies saret waqt li kien qed jinħatt il-materjal minn fuq il-vapur li wasal f’Tilbury wara vjaġġ minn Zeebrugge fil-Belġju.

L-awtoritajiet anki fittxew fl-għexieren tal-containers l-oħra li kienu fuq dan il-vapur biex jaċċertaw li ma kienx hemm aktar nies magħluqin fihom. Intant, il-Pulizija Britannika qed tindaga dwar każ ta’ omiċidju u qed tingħata l-għajnuna meħtieġa mill-pulizija u l-awtoritajiet fil-Belġju.