Sport Sport Ieħor

Jingħata bidu għall-Olimpjadi taż-Żgħażagħ

Il-bieraħ saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ li se jkunu qed isiru fiċ-Ċina. Din hi t-tieni edizzjoni ta’ dawn il-Logħob li se jsiru fil-belt ta’ Nanjing u se jiġu fi tmiemhom fit-28 ta’ Awwissu. Iċ-Ċina kienet kisbet id-dritt li torganizza dawn il-Logħob erba’ snin ilu.

B’kollox se jkunu qed jieħsu sehem 201 pajjiż. Fit-13 ta’ Awwissu is-Sierra Leone u n-Niġerja irtiraw minn dawn il-Logħob minħabba pressjoni minn naħa tal-Awtoritajiet Ċiniżi li kien qed jibżgħu li tinfirex il-marda tal-Ebola.

Jum qabel bdew il-Logħob irtiraw ukoll il-Liberja kif ukoll tnejn mill-Guinea minħabba l-istess problema. Atleta minn Nofsinhar tas-Sudan se jikkompeti waħdu għax il-pajjiż m’għandux Kumitat Olimpiku Nazzjonali. L-aktar żewġ nazzjonijiet li għandhom atleti huma ċ-Ċina, li għandhom 123 atleta u l-Brażil b’97.

Malta wkoll se tkun rappreżentata minn erba’ atleti. Dawn huma l-għawwiema Julian Harding u Raoul Starface, il-judoka Francesco Aufieri u l-weightlifter Nicole Gatt. Harding se jkun l-ewwel wieħed fl-azzjoni hekk kif illum jikkompeti fil-100m breaststroke.