Ir-rappreżentant ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino Leon, insista dwar il-ħtieġa urġenti għal ftehim dwar waqfien mill-ġlied f’dan il-pajjiż u biex il-gruppi armati rivali jaqblu rigward djalogu ġenwin.
Leon qed jippjana li jżur Tripli mill-aktar fis u hemm il-possibbiltà li din iż-żjara sseħħ il-ġimgħa d-dieħla. Intant, hu qed jitlob biex il-gruppi tal-ġellieda ma jisfruttawx pawsa mill-ġlied potenzjali bl-iskop li jorganizzaw ruħhom aħjar minn aspett militari.
Filwaqt li l-komunità internazzjonali qed tinkwieta li l-Libja riesqa eqreb ta’ gwerra ċivili totali, Leon għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jaħdem għal ftehim li jirriżulta f’waqfien mill-ġlied bejn l-entitajiet armati Libjani li biddlu l-inħawi ta’ Tripli f’kamp ta’ battalja.
Fil-preżent, il-brigati li ġejjin minn Misurata qed jikkumbattu lill-ġellieda li huma alleati mal-belt ta’ Zintan. Dawn, fil-parti kbira, huma eks ribelli li, fl-2011, kienu qamu kontra r-reġim tal-eks-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi. Sadanittant, il-ġlied kontinwu ta’ bejniethom wassal biex in-NU u l-Gvernijiet tal-Punent jirtiraw id-diplomati tagħhom mil-Libja fost il-prospetti reali ta’ gwerra inkontrollabbli.
Ħafna mill-ġlied fil-Libja seħħ fl-inħawi tal-ajruport internazzjonali ta’ Tripli, li hu kontrollat mill-ġellieda ta’ Zintan. Il-ġlied wassal biex mijiet ta’ familji jevkawaw minn djarhom u waqt li nqatlu ‘l fuq minn 200 persuna tul sensiela ta’ battalji fl-inħawi.
Fl-istess ħin, is-sigurtà tal-Libja spiċċat aktar kumplikata minħabba battalja separata li għaddejja fil-belt ta’ Benghazi, lejn il-Lvant tal-pajjiż, u fejn alleanza ta’ eks ribelli u militanti Iżlamiċi qed tipprova tkeċċi lill-Armata minn din iz-zona.
//= $special ?>

