Internazzjonali

Kienu spjunaw ‘fuq Kerry u Clinton’

IL-ĠERMANJA: Rapporti li dehru fl-istampa Ġermaniża qalu li l-membri tal-aġenzija tas-servizzi sigrieti ta’ dan il-pajjiż ‘ikkollegaw’ mat-telefonati li kienu għamlu s-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry u Hillary Clinton li kienet tokkupa l-istess kariga qablu.

Il-ġurnal, Der Spiegel, intant, qal li l-kollegament sar bi żball u li r-recordings relevanti kienu inqerdu immedjatament. Rapport partikolari sostna li l-aġenzija Ġermaniża kienet għamlet tapping ta’ telefonata bis-satellita li John Kerry kien għamel fl-2013. Mifhum ukoll li Kerry, issa, iddiskuta l-allegazzjonijiet mal-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Frank-Walter Steinmeier.

Intant, mistenni li dawn ir-rapporti jkunu embarazzanti għall-Ġermanja wara l-kontroversja li qamet minħabba l-allegazzjonijiet li aġenti sigrieti Amerikani kienu spjunaw fuq il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel.