Proprju sbatax-il xahar mindu kien ikkonfermat Kap tal-Kattoliċi tad-dinja, il-Papa Franġisku qed jiffaċċja l-isfida tal-Asja u fejn qed iħejji għal sensiela ta’ vjaġġi fit-tul – fil-preżent u fix-xhur li ġejjin – biex jagħmel il-kuraġġ lill-Kattoliċi fid-diversi pajjiżi ta’ dan il-kontinent.
Dan meta l-Asja qed tipprovdi l-akbar impenn missjunarju għall-Knisja Kattolika fis-seklu wieħed u għoxrin, u li hu rifless bl-ewwel mawra ta’ Franġisku f’dan il-kontinent partikolari li hu wkoll l-aktar wieħed ‘iffullat bin-nies’ fid-dinja.
Għalkemm tlieta fil-mija biss tal-Kattoliċi tad-dinja huma residenti fl-Asja, hu minnu li, din is-sena, ġew mgħammdin aktar Kattoliċi f’dan il-kontinent, milli kien il-każ fl-Ewropa – u skont l-istatistika li pprovda l-Vatikan.
Intant, il-Papa Franġisku għada jikkonkludi vjaġġ ta’ ħamest ijiem fil-Korea t’Isfel- pajjiż fejn l-ammont tal-Kattoliċi kiber u sploda b’mod impressjonanti tul dawn l-aħħar erbgħin sena.
Il-komunità tal-Kattoliċi fil-Korea t’Isfel żviluppat minn tnejn għal ħdax fil-mija tal-popolazzjoni u dan hu fattur sorprendenti fi Stat fejn il-Buddiżmu għadu qawwi daqs qatt qabel u fejn il-maġġoranza taż-żgħażagħ Koreani m’għandhom l-ebda sens ta’ devozzjoni (reliġjuża). Fl-istess ħin, il-Koreani Kattoliċi, fil-parti kbira, għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni, minbarra li jiffurmaw parti sinifikanti tal-elit politiku f’pajjiżhom.
L-avvenimenti tal-Papa fil-Korea t’Isfel s’issa inkludew il-beatifikazzjoni (f’Seoul) ta’ grupp ta’ martri Koreani li kienu mietu għall-fidi Kattolika, fis-seklu tmintax. Avveniment ieħor interessanti, imbagħad, hi l-laqgħa tallum, li wkoll issir f’Seoul, bejn il-Papa u eluf ta’ Kattoliċi żgħażagħ li ġejjin minn 23 pajjiżi Asjatiċi differenti, waqt il-Festival għaż-Żgħażagħ Kattoliċi (Asian Youth Day).
Minkejja li n-numru ta’ dawn iż-żgħażagħ għandu jkun ferm anqas mill-miljuni li, is-sena l-oħra, attendew iż-żjara trijonfali tal-Papa f’Rio de Janeiro (fil-Brażil) għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, is-sinifikat tal-avveniment fil-Korea t’Isfel ma jistax ikun injorat.
Filwaqt li l-Korea ta’ Fuq ċaħdet l-istedina speċifika li ntbagħtet ‘lill-Kattoliċi fit-territorji tagħha (jekk stess dawn jeżistu)’, mistennija attendenza numeruża mill-membri tal-Knisja Kattolika Patrijottika taċ-Ċina waqt l-Asian Youth Day li tikkonkludi b’quddiesa.
Il-Papa Franġisku kien ikkonfermat Kap tal-Kattoliċi fl-istess ġimgħa meta Xi Jinping kien ħa r-riedni taċ-Ċina bħala President. Il-Papa, dakinhar, kien bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni personali li Xi Jinping u bil-President Ċiniż iwieġeb b’mod formali. Dan minkejja li r-relazzjonijiet uffiċjali bejn il-Knisja Kattolika u ċ-Ċina huma ’l bogħod minn livell sodisfaċenti – almenu għall-Vatikan – u meta din is-sitwazzjoni ilha hekk mill-1950.
Sadanittant, il-fattur li jiddistingwi l-Kattoliċiżmu fil-Korea t’Isfel mill-kulturi l-oħrajn tal-Asja hu li l-Koreani ma stennewx biex jaslu pajjiżhom il-missjunarji barranin qabel huma bdew jikkonvertu għat-twemmin partikolari.
Hu minnu wkoll li l-Koreani iffurmaw il-knisja tagħhom wara li saru jafu dwar ‘il-fidi barranija’ li l-qassis Ġiżwita Taljan, Matteo Ricci, kien introduċa fiċ-Ċina, fis-seklu sbatax. Dan il-Ġiżwita introduċa wkoll il-kartografija stil tal-Punent u l-matematika fiċ-Ċina, bl-istatwa tiegħu tibqa’ sal-lum prominenti fil-kumpless tal-Katidral Kattoliku, f’Beijing.
Il-Papa Franġisku hu l-ewwel Ġiżwita li qatt kien elett Papa. Intant, hu dejjem iddispjaċih mill-fatt li, fi żmienu bħala novizz, ma setax jivvjaġġa lejn l-Asja biex jagħmel ix-xogħol ta’ missjunarju u wara li hu kien lesta t-taħriġ għal qassis, fl-Arġentina.
Ma jeżistu l-ebda pjani biex il-Papa Franġisku jżur iz-zona demilitarizzata li għadha tissepara lill-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq mindu l-gwerra ta’ bejniethom intemmet, fl-1953, bl-iffirmar ta’ armistizju u mhux bi ftehim għall-paċi.
Madankollu – u l-istess bħalma hu kien għamel waqt iż-żjara tiegħu fl-Art Imqaddsa aktar kmieni fis-sena – il-Papa Franġisku, għada, se jagħmel appell qawwi għal paċi u rikonċiljazzjoni waqt il-quddiesa finali tiegħu li ssir fil-Katidral ta’ Myeong-dong, f’Seoul, u qabel hu jirritorna Ruma.
Intant, il-Papa qed jaħseb biex iżur is-Sri Lanka f’Jannar, b’impenn importanti ieħor ikun iż-żjara li hu irid jagħmel fil-Filippini – eks kolonja ta’ Spanja u fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Kattoliċi. Mifhum ukoll li hemm il-pjani biex il-Papa jżur il-Ġappun, minkejja li 0.5 fil-mija biss tal-Ġappuniżi huma membri tal-Knisja tiegħu.
//= $special ?>

