Kważi ġimgħa wara li kien żvelat li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi iddaħħal it-tripplu ta’ dak li kien jaqla’ l-predeċessur tagħha, Malta Enterprise tikser is-silenzju.
Fi stqarrija, Malta Enterprise tagħmel referenza għal dawk li sejħet bħala “gideb u nofs veritajiet dwar l-aħħar rapporti fuq il-ħidma tal-Aġenzija sabiex tippromwovi investiment dirett fiċ-Ċina”.
Madanakollu, għalkemm ir-riferenza hi għar-rapporti dwar Sai Mizzi, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ma tissemma’ mkien f’din l-istqarrija.
L-anqas ma’ tiċħad iċ-ċifri li kienu kkwotati l-ġimgħa li għaddiet, b’Sai Mizzi ddaħħal iktar minn 13,000 ewro fix-xahar f’salarju u perkaċċi varji u l-predeċessur tagħha Paul Cardona, kien jaqla’ 3,700 ewro fix-xahar. L-istqarrija tipprova tiġġustifika l-ingaġġ ta’ Sai Mizzi billi tgħid li anki Cardona kien maħtur direttament miċ-Chairman ta’ dak iż-żmien Alan Camilleri.
L-istqarrija ttemm li l-ħidma tal-Malta Enterprise qed tagħti r-riżultati tant li fi 13-il xahar bejn Mejju tas-sena li għaddiet u Ġunju li għadda, Malta Enterprise approvat xejn inqas minn 53 proġett ta’ investiment barrani dirett. Madanakollu, l-istqarrija ppubblikata b’reazzjoni għall-ingagg ta’ Sai Mizzi, ma tispeċifikax liema minn dawn it-53 proġett ta’ investiment barrani, waslu grazzi għall-ħidma ta’ Sai Mizzi.
//= $special ?>