Futbol Sport

Man Utd maħsuda minn Swansea f’Old Trafford

Il-kampjonat ġdid tal-Premier Ingliż fetaħ b’sorpriża kbira, bi Swansea City jegħlbu lil Manchester United f’Old Trafford, bl-iskor ta’ 2-1.

Din kienet l-ewwel logħba kompetittiva għal Louis Van Gaal bħala manager ta’ United u fejn – forsi kontra kull mistenni – reġgħu feġġew ħafna mill-problemi li kienu dehru fit-team fl-istaġun li għadda u meta r-Red Devils kienu taħt it-tmexxija ta’ David Moyes.

United daħlu għal din il-logħba wara pre-season inkoraġġanti u fejn huma kienu rebħu l-International Champions Cup grazzi għal diversi wirjiet pożittivi li taw waqt it-tournament organizzat fl-Istati Uniti u li kien jinkludi uħud mill-aqwa teams tal-Ewropa.

Intant, kellhom jisfumaw it-tamiet li r-Red Devils setgħu jibdew l-impenji tal-league fuq nota pożittiva u minkejja li huma kellhom ħafna pussess tal-ballun kontra Swansea, sabuha diffiċli biex jinfdu d-difiża kompatta tas-Swans li qed jidhru team organizzat ħafna taħt il-manager Gary Monk.

Fil-fatt, Swansea marru fil-vantaġġ bl-ewwel attakk serju fuq il-lasta ta’ David de Gea, meta Ki Sung-yueng sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx, fit-28 minuta.

Fit-tieni taqsima, United ħarġu determinati u fit-53 minuta huma rnexxielhom jiksbu d-draw minn Wayne Rooney li skorja b’mod akrobatiku, waqt taħwida fil-kaxxa tas-Swans.

Intant, u waqt li United kienu qed ifittxu t-tieni goal, Swansea mill-ġdid sabu x-xibka meta Gylfi Sigurdsson approfitta mill-iżball difensiv ta’ Ashley Young u għeleb lil De Gea għat-tieni darba, tmintax il-minuta mit-tmiem. Ir-reazzjoni ta’ United kienet fjakka u Swansea kienu kapaċi li jiddefendu dan ir-riżultat utli mingħajr wisq affann.

Il-logħob tal-Premiership ikompli, illum, b’Liverpool jilqgħu lil Southampton f’Anfield Road u biċ-Champions, Manchester City, jilgħabu barra minn darhom għand Newcastle United. Il-programm tal-ewwel ġurnata jagħlaq għada, bl-impenn, f’Turf Moor, bejn Burnley u Chelsea.