Internazzjonali

Tensjoni u kontro-akkużi

L-UKRAJNA: Il-kelliema fi Kiev qalu li l-artillerija Ukrena qerdet numru ta’ karrijiet armati Russi li kienu daħlu fit-territorji tal-Ukrajna matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt.

Ingħad ukoll li l-qawwiet Ukreni kienu spiċċaw ‘ibbumbardjati mir-Russi’, iżda l-Gvern tar-Russja ċaħad b’mod kategoriku li l-qawwiet tiegħu setgħu infiltraw l-art tal-Ukrajna. Dan waqt li Moska qed tesprimi l-inkwiet tagħha dwar l-attivitajiet tal-Alleanza tan-NATO qrib il-fruntieri tar-Russja.

Intant, Alexander Zakharchenko, li qed jaġixxi bħala Prim Ministru fiz-zona ta’ Donetsk (li hi kkontrollata mir-ribelli li jridu l-għaqda mar-Russja), qal li konvoj ta’ 150 vettura u madwar 1,200 suldat kienu qed jivvjaġġaw lejn l-Ukrajna tal-Lvant u li huma kienu qrib il-fruntiera.