Lokali

Żagħżugħ ta’ 23 sena fil-periklu tal-mewt

Żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Ħamrun sofra ġrieħi gravi u jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident li seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fi Triq Jean Houel fin-Naxxar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30am meta ż-żagħżugħ u passiġġier ta’ 16-il sena mill-Fgura li kienu abbord karozza tat-tip Toyota Townace kienu qed jirritornaw lura d-dar wara xi jiem camping. It-tnejn huma membri ta’ grupp tal-iscouts.

Kien f’dan il-ħin li minn naħa l-oħra tat-triq żagħżugħ ta’ 19-il sena min-Naxxar, li kien qed isuq Mitsubishi Pajero fid-direzzjoni tat-Telgħa t’Alla w’ Ommu, tilef il-kontroll tal-vettura u baqa’ sejjer lejn in-naħa l-oħra tat-triq. Kawża t’hekk iż-żewġ vettura ħabtu ‘head on’.

Jirriżulta li s-sewwieq tat-Toyota pprova jevita l-impatt u kien f’dan il-ħin li ntlaqat minn mara ta’ 55 sena minn San Ġiljan li kienet qed issuq Mini 1 warajh.

Fuq il-post issejħu membri tal-protezzjoni ċivili li kellhom iqattgħu biċċiet mit-Toyota biex joħorġu lis-sewwieq li kien inqabad fit-Toyota kif ukoll ambulanza li ħadet lill-persuni lejn l-Isptar.

Il-mara li kienet qed issuq il-Mini kellha bzonn il-kura minħabba ġrieħi hfief u x-xokk li sofriet filwaqt li l-passiġġier ta’ 16-il sena sofra biss ġrieħi ħfief u s-sewwieq tal-Pajero sofra ġrieħi gravi imma mhux fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat Doreen Clarke fetħet inkjesta bl-għajnuna ta’ numru ta’ esperti.

Aktar kmieni, ħames persuni ttieħdu l-isptar wara inċident fl-Aħrax tal-Mellieħa.