Internazzjonali

Aldo Gionta arrestat fi Sqallija qabel ħarab lejn Malta

Il-Kap tal-Camorra, Aldo Gionta, li għandu 42 sena gie arrestat f’Pozzallo fi Sqallija hekk kif kien se jaħrab bil-katamaran minn Sqallija lejn Malta. Il-Pulizija arrestatu hekk kif kien qed jiċċekjawlu l-biljett.

Il-Camorra hi organizazzjoni kriminali, fi kliem ieħor bħall-mafja ta’ Sqallija.

Kif ġie anke rrapurtat fl-aħbarijiet tal-media taljana, Aldo Gionta kien se jiġi Malta ma’ tlett persuni oħra, raġel u żewġ nisa. Fuqu kellu mal-elf ewro fi flus kontanti, kien fil-pussess ta’ karta tal-identita falza.

Fiċ-ċaqliq tiegħu minn post għall-ieħor Gionta kien jilbes minn kollox biex ma jingħarafx bħal parokki, nuċċali tal-vista u ġieli anke libes ta’ mara.

Aldo Gionta, magħruf bħala il-Poeta, kien ilu fuq il-lista tal-Pulizija ta’ Sqallija, bħala wieħed mill-aktar persuni mfittxija minn Ġunju tal-2013.

Mhux magħruf jekk Gionta kienx se jibqa’ Malta jew minn Malta jitlaq għal pajjiż ieħor.

Aldo Gionta qiegħed arrestat fil-ħabs ta’ Siracusa.

Aldo hu t-tifel ta’ Valentino, il-kap tal-mafja Torre Annunziata. Il-familja Gionta, fis-snin tmenin kienu alleati tal-mafja Cosa Nostra fil-provinċja ta’ Palermo.