Dun Vincenz Cachia nħatar bħala Prepostu Arċipriet tal-parroċċa ta’ Sant’ Elena, Birkirkara mill-Arċisqof Pawlu Cremona.
Dun Vincenz ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974.
Dun Vincenz Cachia twieled fl-1 ta’ Ottubru 1947. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola tal-Imsida u l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Wara li daħal is-Seminarju kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.
Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun, fejn serva bħala viċi kappillan għal seba’ snin. Fl-1981 ġie maħtur kappillan tal-parroċċa ta’ Santa Marija, Ħad-Dingli, u fl-1985 inħatar arċipriet tal-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla. Fl-2002 beda jservi bħala kappillan tal-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Gżira. Fl-2005 ġie maħtur amministratur tal-parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal-Safi. Fl-2006 beda l-ħidma tiegħu bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Kristu Re, Paola.
Il-parroċċa ta’ Sant’ Elena tiġbor fiha madwar 10,000 persuna fi 3,500 familja.
//= $special ?>