Lokali

Gvern Laburista ppospona il-bini ta’ helipad ġdida fl-Isptar Mater Dei

Il-każ tal-helikopter li kellu jmur lura Għawdex minħabba li l-helipad tal-Isptar San Luqa kien imblokkat seta’ ġiet evitat li kieku l-Gvern Laburista ma għażilx li jipposponi x-xogħol għall-bini tal-helipad il-ġdida fl-Isptar Mater Dei.

Storja żvelata fil-gazzetta Il-Mument tgħid li f’Ottubru tal-2012 kien iffirmat ftehim li kien ikopri pjan ġdid sabiex il-helipad isir biswit id-Dipartiment tal-Emergenza. Madwar tliet xhur wara kienu ppreżentati xi emendi għall-proġett mill-kuntrattur iżda dawn ma kinux aċċettati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Il-proġett ma laħaqx beda qabel l-elezzjoni u, mal-bidla fil-gvern, il-gvern ħareġ in-notifika għall-bidu tax-xogħol bil-għan li dan jitlesta sa Novembru 2013. Deċizjoni li l-istess Gvern Labursita regga’ lura ftit wara minħabba problema ta’ cash flow hekk kif il-flus indikati għall-proġett tal-helipad spiċċaw immirati għal xiri ta’ tagħmir mediku.

Għaldaqstant, tkompli tiżvela il-Mument, intlaħaq qbil bejn il-gvern u l-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei biex il-proġett jiġi pospost b’numru ta’ xhur sakemm jinstabu l-flus biex dan il-proġett jitkompla, deċiżjoni li ma sabitx l-appoġġ tal-Fondazzjoni ghas-Servizzi Mediċi minħabba li dan il-posponiment kien se jkollu impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-kuntratt oriġinali.

Il-Mument tkompli tiżvela li din il-kwistjoni tressqet quddiem il-Minsitru tas-Saħħa Konrad Mizzi. Din il-laqgħa kienet segwita minn laqgħa oħra tal-management fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa fil-prezenza tas-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li sahansitra staqsa dwar il-ħtiega ta’ helipad fl-isptar.

Il-Mument tkompli tiżvela li uffiċjali minn Kastilja qed jagħmlu pressjoni li din il-helipad għandha ssir partikolarment fid-dawl tal-fatt li pajjiżna se jkun qed jospita l-laqgħa għolja tal-Commonwealth f’Ottubru li gej. Din ir-reazzjoni wasslet lis-Segretarju Parlamentari jibda jagħmel pressjoni biex il-helipad tkun iffinanzjata mill-vot finanzjarju tac-CHOGM u mhux mill-vot tas-saħħa.