Sport

Harding jiddebutta f’Nanjing

L-għawwiem żagħżugħ ta’ 18-il sena Julian Harding kien l-ewwel Malti fl-azzjoni fit-tieni edizzjoni tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ li bdew il-bieraħ f’Nanjing fiċ-Ċina wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ li saret is-Sibt.

Harding temm it-tielet fil-heat tiegħu tal-100m breaststroke li kienet ukoll l-ewwel heat li fiha ħadu sehem ħames għawwiema. Huwa kellu ħin ta’ minuta 06.38 sek, distakk ta’ 2.39 sekondi mir-rebbieħ tal-heat Andrew Pravdivtsev tal-Uzbekistan. Harding spiċċa quddiem għawwiem minn Hong Kong u ieħor minn Cambodia imma naqas milli jagħmel l-aħjar ħin li bih ikkwalifika għal dan il-logħob li kien kien ta’ 1:05.65 minuti.

F’dawn l-Olimpjadi Malta hi rappreżentata wkoll minn għawwiem ieħor Raoul Stafrace; il-judoka Francesco Aufieri li għadu ġej minn training camp fl-Iżvizzera u l-weightlifter Nicole Gatt.

Għada jmiss fl-azzjoni lill-judoka Francesco Aufieri u l-weightlifter Nicole Gatt waqt li għada Tlieta 19 ta’ Awwissu jtellaq l-għawwiem Raoul Stafrace.

Il-kontinġent Malti huwa mmexxi mid-Direttur tal-Isport tal Kumitat Olimpiku Malti Mario Micallef li huwa wkoll Chef de Mission tal-kontinġent.