Futbol Sport

Id-debuttant Caruana l-eroj ta’ Tarxien

TARXIEN R………………1
SLIEMA W………………..1

Gowl drammatiku fid-93 minuta ta’ Triston Caruana, ta punt meritat lil Tarxien kontra Sliema, biex b’hekk l-akkwist il-ġdid tar-Rainbows dawwar id-debutt tiegħu f’wieħed tal-ħolm u ta raġun lill-amministrazzjoni Tarxiniża li investiet fih.

L-entużjażmu tal-partitarji għall-ewwel partita tal-kampjonat ma kienx wisq qawwi hekk kif l-attendenza kienet waħda miżera, speċjalment min-naħa tas-Slimiżi, li f’din il-klima sajfija, probabbilment ħafna minnhom ippreferew imorru l-pixxina jaraw il-finali tan-knock-out tal-waterpolo bejn Sliema u Neptunes.

Għat-tielet sena konsekuttiva, Sliema qed ikunu mmexxija mit-Taljan Alfonso Greco, iżda dan l-istaġun it-timbru Taljan żdied iktar bl-akkwist tal-ex-plejer ta’ Parma u Bologna, Andrea Pisanu li fforma l-attakk Slimiż ma’ Michael Mifsud li min-naħa tiegħu kien qed jirritorna fil-kampjonat Malti mat-tim li miegħu beda l-karriera.

Madankollu s-Slimiżi żgur li jittamaw f’xi ħaġa aħjar minn Pisanu u Mifsud jekk iridu li jkunu fost il-kandidati għar-rebħ tal-kampjonat.

Tarxien, immexxija minn Clive Mizzi, kienu tim kompletament trasformat minn dak tal-istaġun li għadda, fejn apparti Manuel Caruana, Ryan Sammut u Jorge Silva, il-plejers l-oħra fil-formazzjoni inizjali kienu kollha qed jagħmlu d-debutt tagħhom.

Għalihom kien mistenni iktar mill-attakkant Pipico, li kien prolifiku fil-partiti ta’ ħbiberija iżda Branchinho u Triston Caruana saħħew sew nofs il-grawnd, b’tal-ewwl jersaq viċin billi laqat il-lasta fl-ewwel taqsima u tal-aħħar jiskorja l-gowl tad-dro fl-aħħar sekondi.

Erba’ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima, minn corner ta’ Alex Muscat, id-daqqa ta’ ras ta’ Stefano Biancardi ħabtet mal-lasta u mad-difensur Tarxiniż Ryan Sammut bil-ballun jispiċċa fix-xibka għall-vantaġġ Slimiż u l-ewwel gowl tal-100 kampjonat lokali.

F’nofs it-tieni taqsima, Clive Mizzi żied is-saħħa fl-attakk bl-inklużjoni ta’ Clebinho u minn hawnhekk ir-Rainbows bdew jheddu serjament il-lasti ta’ Zammit.

Dan ħalla l-frott mixtieq għax fid-93 minuta, minn freekick ta’ Branchinho, Triston CARUANA skorja l-gowl prezzjuż bir-ras għal skor finali ta’ 1-1. Dan ir-riżultat qajjem entużjażmu kbir fost il-partitarji Tarxiniżi li, wara d-diżappunti tal-istaġun li għadda, jittamaw li bl-iskwadra ta’ din is-sena, terġa’ tfiġġ il-qawsalla għalihom.

Tarxien R: J. Debono, A. Cini, K. Farrugia, R. Sammut, A. Lopes, O. Bugeja, M. Caruana, T. Caruana, A. Branchinho, J. Silva, W. Pipico

Sost – Hevia minflok Sammut, Clebinho minflok Lopes, Tabone minflok Caruana
Sliema W: G. Zammit, A. Muscat, A. Scozzese, C. Gatt Baldacchino, S. Biancardi, M. Scerri, P. Barbetti, M. Potezica, J.
Mintoff, A. Pisanu, M. Mifsud

Sost – Muscat minflok Scozzese, Martinelli minflok Mintoff, Cilia minflok Pisanu

Skorers: R. Sammut (41 min.) (S), T. Caruana (93 min.)

Ammoniti: G. Zammit, A. Pisanu, P. Barbetti (S), C. Hevia, O. Bugeja (T)

Referee: Alan Mario Sant

il-mument plejer tal-partita – S. Biancardi (S)