“Id-dritt li titlob u tingħata informazzjoni mhux xi dritt ordinarju. Hu dritt fundamentali garantit minn Artiklu 10 tal-Konvenżjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”
Hekk stqarr l-Imħallef Irtirat Giovanni Bonello b’reazzjoni għall-fatt li hemm numru ta’ ftehim li ffirma l-Gvern, li huma ta’ interess nazzjonali u li l-poplu għandu dritt legali għall-kontenut tagħhom, li qed jinżammu mistura.
Fost dawn jispikkaw il-ftehim li l-Gvern iffirma ma’ Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza u dak maċ-Ċiniżi dwar il-privatizzazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta.
Giovanni Bonello argumenta li, bħal ħafna drittijiet oħrajn, dan mhux dritt assolut u jista’ ikun limitat fl-interess tas-sigurta’ nazzjonali jew tas-sigurta’ pubblika.
“Imma, biex Gvern jistrieħ fuq din il-limitazzjoni, sostna l-Imhallef Vanni Bonello “irid jipprova li din is-segretrezza hi essenzjali f’soċjeta’ demokratika….irid jipprova ħsara sostanzjali li tipperikola s-sigurta’ nazzjonali jew pubblika jekk iċ-ċittadini jsiru jafu dak li l-gvern qed jagħmel.”
Giovanni Bonello żied li wieħed jistaqsi fejn hu l-periklu gravi għas-sigurta’ tal-istat jekk il-pubbliku jsir jaf x’hemm wara l-ftehim għall-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija jew għall-privatizzazzjoni ta’ xi korporazzjoni tas-servizzi pubbliċi.
L-Imħallef Bonello fakkar li l-ewwel artiklu tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jesiġi li Malta tkun repubblika demokratika. Kemm il-kunċett ta’ repubblika, kif ukoll dak ta’ demokrazija, ifissru li l-poplu jipparteċipa bi sħiħ f’dak li jagħmel il-Gvern.
“Ma tistax teżisti repubblika demokratika fejn l-governanza ssir minn wara dahar il-poplu – mingħajr trasparenza,” temm jgħid Giovanni Bonello.
Il-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh u jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt ffirmat mal-kumpanija Henley and Partners dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija. Dan minkejja li issa mal-Oppożizzjoni ngħaqdu diversi opinjonisti li qed jisħqu mal-Gvern biex ma jkompli jaħbi dan il-kuntratt li minnu l-kumpanija Henley minstennija taqla’ mal-€230 miljun.
Barra minn hekk il-Gvern approva l-liġi imsejħa l-Att dwar it-trasferiment, id-drittijiet, id-debiti u l-obbligi tal-Enemalta, mingħajr ma ippubblika l-kuntratti li saru mal-kumpanija tal-Gvern Ciniż, Shanghai Electric u mal-kumpanija ElectroGas, minkejja l-oggezzjonijiet tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Din il-liġi se twassal biex il-Korporazzjoni Enemalta tkun privatizzata u l-Gvern Malti jitlef il-kontroll fuq il-produzzjoni tal-enerħija f’pajjiżna.
//= $special ?>