Ipprova ppoġġi lilek innifsek f’sitwazzjoni fejn f’pajjiżek stess qed tiġi ppersegwitat minħabba li r-reliġjon tiegħek hu dak ta’ Nisrani. Fi kliem ieħor ikunu qed ituk il-kaċċa u meta jaqbduk jittorturawk u joqtluk b’mod brutali għaliex inti Nisrani.
Din hi r-realta’ li qed jgħixu l-Insara fl-Iraq. Dan wara li l-grupp militanti iżlamiku, ISIS, irid li jemargina bl-aktar mod inġust u b’moħqrija, lill-Insara mill-pajjiż.
Dwar dak li qed jiġi fl-Iraq tkellimna ma’ Maria Lonzano li hi l-Ufficjal tal-Komunikazzjoni tal-Aid to The Church In Need, l-ACN International. Għaqda li bgħatet delegazzjoni fl-Iraq biex janalizzaw dak li qed jgħaddu minnu l-Insara.
Lil Maria Lonzano, spjegajnilha li l-iskop tal-intervista magħha mhux biex nitfgħu dawl ikrah fuq il-Musulmani imma biex inqajmu kuxjenza dwar kif il-mibgħeda li għandu l-bniedem inġenerali mhux biss minħabba reliġjon, mhu qed twassal imkien, ħlief għal aktar mibgħeda, ġlied, dwejjaq u tbatija.
Dawn il-militanti Iżlamiċi fl-Iraq huma l-istess nies li qed jiġġieldu fis-Sirja, iżda s-sitwazzjoni fis-Sirja nqalbet għal waħda politika, għalhekk il-fatt li l-Insara huma ppersegwitati anke f’dan il-pajjiż, baqgħet tinteressa biss lill-Knisja għaliex il-pajjiżi jħarsu lejn il-kunflitt fis-Sirja mill-att politiku. Intant iqala’ wkoll il-kunflitt f’Gaza.
Bħalissa Maria Lonzano tinsab f’Erbil, l-ikbar belt u l-kapitali tar-regjun tal-Kurdi fl-Iraq, l-grupp etniku Izlamiku li qed jiddefendi lill-Insara fl-Iraq. Maria spjegat kif is-sitwazzjoni f’din iż-żona bħalissa hi hazina u perikoluza. Tgħid li t-temp mhux jgħin hekk kif it-temperatura tlaħħaq it-43 grad Celcius bin-nies m’għandhomx fejn jistkennu mill-qilla tax-xemx.
Maria Lonzano spjegat kif jinsabu ddisprati u anke ddiżappuntati hekk kif ilhom f’din is-sitwazzjoni estrema ghal aktar minn ġimgħa u ghadu ma sar xejn biex jitwaqqaf il-grupp militanti ISIS. Skont Marija, hekk kif iqumu filgħodu, jekk jirnexxielhom jorqdu, jibdew jistaqsu jekk instabitx soluzzjoni.
Skont Maria, l-Insara telqu minn fejn qegħdin l-ISIS bħalissa, jigifieri 40Km bogħod minn Ebril, eżatt fil-ħin u għallura rnexxielhom jaħarbu massakru fuqhom stess.
Maria Lonzano appellat biex l-Insara f’Malta isibu ċans jgħidu talba għal ħuthom Insara fl-Iraq. Pajjiż tant bogħod minn Malta u Għawdex b’kultura differenti għal kollox li iżda fih jgħixu aktar minn miljun Nisrani, persuni bl-istess reliġjon bħal l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin.