Sport

Pedrosa jirbaħ f’Brno

Is-serje pożittiva tal-Ispanjol Marc Marquez li qed jiddomina l-istaġun tal-MotoGP intemmet fiċ-ċirkwit ta’ Brno fir-Repubblika Ċeka meta kien sieħbu tal-istess tim Repsol Honda, Dani Pedrosa li wara staġun fid-dell tal-kompatrijott, sab il-mument tiegħu ta’ glorja meta l-anqas kien mistenni minnu.

Wara 10 rebħiet konsekuttivi dan l-istaġun, Marquez kien imċaħħad milli jsir l-ewwel sewwieq fl-istorja li qatt rebaħ l-ewwel 11-il tiġrija tal-istaġun imma Pedrosa almenu rnexxielu jwaqqaf dak li kien qed jinbidel f’kampjonat monotonu.

Jorge Lorenzo u Valentino Rossi, t-tnejn tal-Yamaha kienu ż-żewġ sewwieqa l-oħra fuq il-podju. Dan ifisser li għall-ewwel darba sa minn meta beda jikkompeti fil-MotoGP, Marquez ma rnexxielux jispiċċa fuq il-podju wara problemi bit-tyres.

Pedrosa kellu tiġrija mill-aqwa fejn wara li mar quddiem fit-tieni dawra ikkontrolla sat-tmiem waqt li Rossi, li s-Sibt waqa’ u weġġa’ fil-provi kellu dwell mill-aktar interessanti ma’ Marquez.

Andrea Iannone rebaħ l-isfida tad-Ducati ma’ Andrea Dovizioso biex ħa l-ħames post.

Marquez issa għandu 263 punt fl-ewwel post segwit minn Pedrosa b’`186, Rossi b’173 u Lorenzo b’137 fl-ewwel erba’ postijiet.