Futbol Sport

Mosta jaħsdu lill-Valletta

Mosta wettqu l-ewwel sorpriża tal-kampjonat meta għelbu liċ-Champjons Valletta 1-0. Il-Mostin lagħbu partita tattikament tajba speċjalment wara li marru fil-vantaġġ b’Valletta jiddiżappuntaw meta naqsu milli jagħmlu reazzjoni biex isalvaw il-partita u ġarrbu t-tieni telfa fi spazju ta’ ġimgħa wara li tilfu wkoll is-Super Cup.
Il-kowċ Belti Gilbert Agius wettaq xi tibdil mit-telfa fis-Super Cup kontra Birkirkara b’Nicky Vella jieħu post Yenz Cini fil-lasta, Steve Borg jibda flok Luke Dimech u Kooh Sohna beda minflok Adrian Zahra. Agius iddeċieda li jibda b’formazzjoni ta’ 4-4-2 bid-djamant f’nofs il-grawnd b’Faria jilgħab quddiem id-difiża filwaqt li Nafti jagħti sapport lil Kooh Sohna u Lateef Elford Alliyu.

Il-kowċ Taljan Enrico Piccioni poġġa lis-Serb Milovanovic quddiem id-difiża filwaqt li Mano Micallef u Ryan Grech ħadmu f’nofs il-grawnd bl-akkwist il-ġdid Bueno wara Kaljevic u Jovanovic fl-attakk.
L-ewwel azzjoni perikoluża waslet għal Valletta fit-12-il minuta meta xutt ta’ Elford Alliyu kien salvat minn Borg. Valletta ingħataw penalty fis-17-il minuta meta minn kross ta’ Steve Borg, Adrian Borg deher imiss il-ballun b’idu bl-assistent referee Duncan Sultana jiġbed l-attenzjoni tar-referee Fyodor Zammit. Iżda mill-11-il metru Omar Borg dawwar f’korner ix-xutt ta’ Lateef Elford Alliyu. Mill-istess korner xutt ta’ Nafti ġie salvat tajjeb minn Borg.
Minn gowl fallut għal gowl skorjat u Mosta fetħu l-iskor fl-24 minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ BOJAN KALJEVIC li deher faċli, ħarab minn taħt idejn Nicky Vella bil-ballun jidħol fix-xibka. Valletta dehru maħsuda u bdew isibuha diffiċli jimpostaw il-logħba tagħhom tant li kellna nistennew sal-34 minuta biex waslet  azzjoni perikoluża tal-Beltin meta Ryan Fenech għadda lejn Kooh Sohna li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa u ma’ dahar Borg bil-gowlkiper Mosti jsalva fil-ħin.
Valletta marru viċin fit-43 minuta meta minn free-kick ta’ Shaun Bajada, Elford Alliyu għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras għaddiet ftit barra biex il-Beltin spiċċaw it-taqsima fuq l-attakk b’xutt b’saħħtu ta’ Ryan Fenech salvat minn Borg.
L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet minn Mosta meta fit-48 minuta Bueno kkrossja bix-xellug lejn Jovanovic li pprova bir-ras iżda l-konklużjoni għaddiet fuq il-lasti. Valletta wieġbu żewġ minuti wara b’konklużjoni fil-baxx ta’ Elford Alliyu li għaddiet ftit barra u marru viċin fit-52 minuta meta free-kick ta’ Nafti wkoll għadda ftit barra.
Kwarta mit-tmiem xutt ta’ Christian Caruana kien salvat minn Omar Borg b’id waħda u ftit wara kien is-sostitut Montebello li m’approfittax minn ħarġa difettuża ta’ Borg.
Mosta ppruvaw jiggwadanjaw il-ħin b’kull mezz  hekk kif Valletta baqgħu jittamaw li jsalvaw il-partita u tliet minuti mit-tmiem  irmew iċ-ċans tad-draw meta minn cross ta’ Sohna reġa’ kien Luke Montebello li waħdu minn nofs il-kaxxa ż-żgħira, bir-ras falla l-mira.