Il-qtugħ totali tad-dawl, li seħħ f’Malta u Għawdex il-ġimgħa li għaddiet, qed ipoġġi lill-Gvern taħt pressjoni wara li numru ta’ assoċjazzjonijiet tan-negozju qed jinsistu miegħu biex in-negozji li sofrew ħsarat kaġun tal-blackout ikunu kkumpensati. Dan kien, fil-fatt, l-akbar blackout li qatt seħħ fl-aħħar 25 sena.
It-talba għall-kumpens saret minn diversi assoċjazzjonijiet, fosthom il-GRTU, l-MEA u l-Assoċjazzjoni tal-Hospitality Executives, li qed jinsistu li l-membri tagħhom ikunu kkumpenstati għax sforew danni kaġun tal-qtugħ fid-dawl. Flimkien ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet, hemm ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, li se jitlob kumpens għar-residenti tiegħu.
Fost aktar assoċjazzjonijiet li ressqu l-pożizzjoni tagħhom għall-kunsiderazzjoni mal-Gvern, kien hemm propju l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), li sostniet li l-kumpens għandu jkun ikkunsidrat ukoll minħabba li s-sidien se jkollhom iħallsu wkoll il-pagi tal-ħaddiema tul il-perjodu li kienu bla dawl. Raġuni oħra tal-MEA hi l-fatt li n-negozji Maltin iħallsu l-ogħla rati għall-energija fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li r-rati tar-residenti huma viċin il-medja Ewropea.
Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet ruħha sorpriża u diżappuntata li l-Gvern iddeċieda li n-negozji m’għandhomx jiġu kkumpensati. Il-Kamra wkoll qalet li l-ewwel li għandhom jieħdu kumpens huma l-kumpaniji, qabel ir-residenzi għax hi l-komunità tan-negozju li toħloq il-ġid fil-pajjiż, li mbagħad igawdu minnu d-djar.
Aktar kmieni, il-Malta Association of Hospitality Executives qalet li bars, ristoranti u lukandi li ħafna minnhom ma jaffordjawx li jkollhom generator għamlu telf minħabba nuqqas ta’ bejgħ, kif ukoll minħabba l-ħsara li saret lill-ħażna tal-ikel. Min-naħa tagħha, il-GRTU qed tinsisti li s-sidien tal-ħwienet ukoll jiġu kkumpensati.
S’issa l-Gvern għadu sieket dwar kumpens lin-negozji, iżda l-Prim Ministru kien ikkwotat jgħid li l-Gvern qed jikkunsidra kumpens lil xi residenzi li sofrew ħsarat kaġun tal-qtugħ tad-dawl. Il-kumpens li jista’ jintalab mill-assoċjazzjonijiet tan-negozji għadu mhux ikkwantifikat, iżda hu mistenni li jlaħħaq il-miljuni ta’ ewro. Dan fil-kuntest tal-kwantifikazzjoni li kien għamel il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna nnifsu, li f’April 2010 iddikjara li l-qtugħ tad-dawl għal erba sigħat dak iż-żmien kien ikkaġuna b’€20 miljun f’danni għall-ekonomija.
Fil-ġranet li ġejjin, l-assoċjazzjonijiet mistennija jitkbu lill-Gvern biex ikollhom l-ewwel laqgħat mal-Ministru responsabbli mill-Enerġija ħalli jkun diskuss dan il-kumpens.
//= $special ?>