Splużjoni li seħħet għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ llejla segwita minn daħna kbira sewda qajmet xi ftit tal-paniku u biża’ fost ir-residenti tal-Imqabba u l-madwar.
L-isplużjoni seħħet hekk kif kienet qed issir ħarqa ta’ tilqit u materjal żejjed li jintuża għal-logħob tan-nar fil-festi mill-Kamra tan-Nar ta’ Santa Marija fl-Imqabba stess. Filfatt wara din l-isplużjoni segwew ukoll numru ta’ splużjonijiet zgħar.
Jirriżulta li din il-kamra tan-nar kellha l-permessi kollha tal-pulizija u l-awtoritajiet ikkonċernati biex issir din il-ħarqa bħal kull sena. Madankollu jidher li ammont ta’ materjal ħa f’daqqa u dan ikkawża ħoss qawwi ta’ splużjoni.
Immedjatament fuq il-post waslu żewg vetturi tat-tifi tan-nar u numru ta’ membri tal-protezzjoni ċivili biex janalizzaw is-sitwazzjoni u jassiguraw li kollox kien taħt il-kontroll.
Fuq il-post waslet ukoll ambulanza u tim mediku bħala prekawzjoni.
//= $special ?>

