Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) iddeplora bil-qawwa kollha l-inċidenti li ġraw fi tmiem il-ġimgħa li għadda, li fihom indarbu membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi tad-doveri tagħhom. Fi stqarrija, l-MPA fakkret li issa ilha żmien twil tinnota u tiġbed l-attenzjoni li l-inċidenti vjolenti kontra membri tal-Korp qed jiżdiedu konsiderevolment.
L-MPA qalet li x-xogħol tal-Pulizija sar wieħed mill-aktar xogħolijiet li fih iweġġgħu nies matul is-sena fil-post tax-xogħol. Ta’ dan m’hemm l-ebda polza ta’ assikurazzjoni biex tagħmel tajjeb għad-danni li jsofru dawn il-membri tal-Korp, qalet l-istqarrija. L-MPA sostniet li issa li ħraxu l-pieni u ġiet introdotta wkoll multa tassattiva għal min jattakka membri tal-Korp u impjegati pubbliċi, qed tistenna li dawn il-persuni jingħataw pieni adegwati fil-paramentri tal-Liġi, li verament jirriflettu l-gravità tal-każ.
L-MPA qalet li se tibqa’ tosserva dawn il-każijiet sakemm issir ġustizzja mal-membri tagħha. Reġgħet saħqet li hemm bżonn li jibda l-proċess biex il-membri tal-Korp ikollhom polza ta’ assikurazzjoni xierqa. Membru tal-Korp ma jiġix ikkumpensat tal-ispejjeż mediċi li jagħmel u tax-xogħol li jkun tilef minħabba inċidenti simili. L-MPA qalet li ma tħossx li l-membri tal-Korp, li huma ħaddiema bħal kulħadd, għandhom jissograw ħajjithom ta’ kuljum u ma jiġux protetti kif xieraq mill-awtoritajiet.
L-MPA esprimiet solidarjetà sħiħa mal-membri tal-Korp u l-familji tagħhom, li qed ikunu affetwati direttament b’dawn l-inċidenti.
Din l-istqarrija ħarġet fid-dawl li lbieraħ filgħaxija Spettur u Surġent tal-Pulizija sofrew feriti ħfief waqt li raġel kien qed jiġi arrestat. Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9.30pm fi Triq il-Korp tal-Pijunieri f’San Pawl il-Baħar. Jirriżulta li l-każ beda hekk r-raġel, li għandu 33 sena u joqgħod San Pawl il-Baħar, beda joffendi lill-Ispettur li kien qed jidderiġi t-traffiku waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tas-Sajf.
Kif sema’ hekk, l-Uffiċjal tal-Pulizija talab lir-raġel il-partikolaritajiet tiegħu. Madankollu, meta ngħata isem u numru ta’ Karta tal-Identità, l-Ispettur ġieh suspett li dawn setgħu kienu foloz, kif fil-fatt kienu. Għaldaqstant, hu informa lir-raġel li kien se jinżamm sakemm jiġu vverifikati. Min-naħa tiegħu, ir-raġel m’obdiex l-ordni mogħtija lilu u pprova jaħrab. Għalhekk, filwaqt li l-Ispettur ipprova jżommu, issejħet l-assistenza ta’ aktar Uffiċjali tal-Pulizija minn Kuntistabbli li ra dak li kien għaddej. Kienet wara taħbita li r-raġel kien arrestat.
F’kaz ieħor, li seħħ fis-sigħat bekrin tas-Sibt filgħodu, Surġent tal-Pulizija weġġa’ ħafif waqt li kien qed jikkalma ġlieda li seħħet quddiem stabbiliment fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan. Surġent ieħor mir-Rapid Intervention Unit ukoll weġġa’ ħafif f’dan l-inċident. Sadanittant, is-Sibt ukoll, Surġent u Kuntistabbli sofrew feriti ħfief ukoll meta kienu allegatament attakkati minn raġel ta’ 26 sena li joqgħod in-Nadur, barra stabbiliment tad-divertiment fi Triq Għajn Qasab fin-Nadur stess.
Min-naħa tiegħu, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija awgura fejqan ta’ malajr liż-żewġ membri tal-Korp. Fi stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija ngħad li, filwaqt li kkundanna dak li ġara, l-Aġent Kummissarju qal li mhi se tiġi ttollerata l-ebda forma ta’ vjolenza fuq membri tal-Korp waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
//= $special ?>