L-organizazzjoni mhux governattiva Din L-Art Ħelwa tinsab diżappuntata li l-Gvern neħħa l-curfew fuq il-Kaċċa f’Settembru. B’din id-deċiżjoni tal-Gvern, il-kaċċaturi mhux se jkunu marbuta iżjed li jieqfu jikkaċċjaw fit-3pm, iżda jistgħu jibqgħu għaddejjin sas-7pm. Il-curfew, li ddaħħal minn Gvernijiet preċedenti, kellu l-għan li jiġi protett tajr tal-priża protett li jkun wasal f’pajjiżna wara vjaġġ twil.
F’kummenti lil MaltaRightNow.com, il-President Eżekuttiv ta’ Din L-Art Ħelwa Simone Mizzi qalet li din id-deċiżjoni mhux biss se tħalli impatt ħażin fuq l-ambjent u l-għasafar tal-passa, iżda se ċċaħħad ukoll lill-familji u lill-pubbliku inġenerali mit-tgawdija tan-natura. Mizzi qalet li din id-deċiżjoni se taqdi biss lill-kaċċaturi, filwaqt li kompliet li deċiżjoni bħal din se ġġib magħha theddida akbar għall-għasafar tal-passa.
Dawn il-kummenti jkomplu ma’ stqarrija maħruġa mill-istess NGO, li fiha kkritikat lill-Gvern li “minflok jipproponi ideat u miżuri ġodda biex jipproteġi l-ambjent u jipprevjeni l-abbuż, qed jagħmel pass lura u jirrilassa r-regolamenti eżistenti marbuta mal-ambjent biex jissodisfa lill-kaċċaturi”.
//= $special ?>