Lokali

Din l-Art Ħelwa tingħata fondi biex tirrestawra l-istatwa ta’ San Pawl fuq il-Gżejjer

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) għaddiet somma li tlaħħaq massimu ta’ €15,000 lill-għaqda mhux governattiva Din L-Art Ħelwa biex jintużaw għar-restawr tal-istatwa ta’ San Pawl, li tinsab fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl. Din l-istatwa kienet ġiet inawgurata fl-1845 biex tikkommemora l-post fejn hu maħsub li San Pawl inkalja qabel intlaqa’ f’pajjiżna mill-Maltin, skont kif irrakkuntata fil-Bibbja.

L-istatwa kienet diġà ġiet restawrata minn Din L-Art Ħelwa fl-1996, meta sar xogħol biex titnaddaf, tiġi protetta mill-elementi u ssir ukoll rikostruzzjoni ta’ partijiet li kienu spiċċaw. Kienet inbidlet ukoll l-iskrizzjoni li hemm mal-istatwa. 11-il sena wara, l-istatwa reġgħet ġiet restawrata, bi proġett li nkluda t-tindif, trattament u preżentazzjoni tagħha.

F’konferenza tal-aħbarijiet, li saret ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt f’San Pawl il-Baħar, iċ-Chairman il-ġdid tal-MTA Paul Bugeja qal li din hi okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni għax l-NGOs qed jingħaqdu flimkien biex jittejjeb il-prodott turistiku lokali. Bugeja kompla li dan ir-restawr hu parti biss minn katina ta’ proġetti li jridu jsiru fiż-żona.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li fi tmiem is-Sajf se jibda x-xogħol fuq it-Torri ta’ Wignacourt, bix-xogħol mistenni jlaħħaq spiża ta’ madwar €100,000 b’fondi tal-Unjoni Ewropea biex ireġġa’ lura l-ħsarat fuq il-ġebla li ttieklet maż-żmien. Mistenni jsir ukoll xogħol ta’ restawr fuq beach post li nstabet ftit tal-ġimgħat ilu waqt li kien qed isir xogħol fuq il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar.

Paul Bugeja saħaq dwar l-importanza li postijiet turistiċi jiġu mantnuti u jinżammu nodfa. B’hekk biss pajjiżna jista’ jiġi promoss barra minn Malta b’suċċess.

Min-naħa tagħha, il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa Simone Mizzi enfasizzat dwar l-importanza tar-restawr tal-istatwa ta’ San Pawl. Qalet li l-NGO li tmexxi ilha tiġbor u żżomm biċċiet mill-istatwa li jkunu therrew u waqgħu minħabba l-elementi. Għalhekk, iddeskriviet dan ir-restawr bħala wieħed urġenti u importanti ħafna.

Tkellmet ukoll dwar it-Torri ta’ Wignacourt, li Din l-Art Ħelwa ilha tieħu ħsieb sa mis-snin sebgħin. Minn dakinhar sal-lum, Din L-Art Ħelwa diġà wettqet żewġ interventi oħra ta’ restawr biex dan il-monument storiku importanti għal pajjiżna jiġi ppreżervat.