Id-dawl hu s-simbolu tal-għarfien, tal-ġenwinità, tal-informazzjoni. Id-dlam, bil-maqlub, hu s-simbolu tal-ħabi, tas-segretezza, tal-għajbien.
Ħabi mill-Gvern Laburista
Qed ikollna l-ħin kollu eżempji ta’ ħabi mill-Gvern Laburista. Kuntratti li għamel ma’ dawk li ħbielna qabel l-elezzjoni ġenerali, bħal Henley u ċ-Ċina, irid iżommhom għad-dlam. L-istess it-talbiet għal informazzjoni mill-media.
Dlam simboliku, u dlam reali
U mad-dlam simboliku, il-ġimgħa li għaddiet batejna d-dlam reali ta’ qtugħ tad-dawl għal sigħat twal li ħafna lanqas jiftakru meta l-aħħar li kien hawn bħalu, 30 sena ilu. U mal-problema tad-dlam reali, kellna wkoll l-għajbien ta’ Gvern jaħrab.
L-ippuppar ta’ Joseph Muscat…
It-tifkiriet ta’ Joseph Muscat jippoppa ħalli jagħtina l-aħbar tat-2 cents, ta’ Konrad Mizzi jagħmel konferenza biex iġedded xi skema fuq il-pannelli tax-xemx, ta’ Muscat jippoppa ħa jieħu l-krettu ta’ xogħol diplomatika li kieku għalih tkeċċiet, dawk it-tifkiriet issa dabu fid-dlam.
…dab fid-dlam
Għax waqt li Malta kienet qed tbati d-dlam għal sigħat twal fl-aqwa tat-turiżmu, u b’konsegwenza anke nuqqas ta’ ilma fiz-zoni turisitiċi, ma rajna xejn mill-ippuppar tas-soltu, anzi Muscat u Konrad Mizzi għebu u ma dehru mkien.
Muscat farfar ir-responsabbiltà
Muscat, li meta kien fl-oppożizzjoni għal kull ħaġa ta’ xejn kien jitlob ir-riżenja ta’ xi Ministru, did-darba farfar. Il-kontabilità li pprietka qabel l-elezzjoni li llum saret joke, bħat-trasparenza li nbidlet f’ħabi, u l-meritokrazija li nqalbet f’tal-qalba jaħtfu, ibda mill-mara tal-Ministru li għeb fid-dlam li hu responsabbli għalih hu.
Kuntratti moħbijin
Id-dlam simboliku ta’ Gvern jaħbi għandu effetti ferm itwal mid-dlam reali tal-qtugħ tad-dawl. Għax juri Gvern mudlam, li jaħbi apposta kuntratti li jdaħħlu lilna lkoll, għax aħna nħallsu t-taxxi fl-aħħar mill-aħħar, għal obbligi li lanqas biss nafu x’inhuma.
Il-puppaturi jittrattawna ta’ tfal
U d-dlam tal-ħrib tar-responsabbiltà mill-puppaturi li s-soltu jmorru jiġru ħa jieħdu l-krettu ta’ xogħol ħaddieħor, jittrattana ta’ tfal. Għax hu lit-tfal li tagħlqilhom it-twieqi u titfilhom id-dawl biex jorqdu u jisktu.
Gvern li jridna nisktu u ma nistaqsu xejn
Id-dlam ta’ dal-Gvern li jaħbi u jaħrab hu d-dlam ta’ Gvern li jridna nisktu, norqdu u ma nistaqsu xejn. U dik l-intenzjoni ta’ Gvern mudlam li jrid poplu sieket, hi agħar mid-dlam li batejna l-ġimgħa l-oħra.