Ambjent Lokali

Il-Gvern jieħu rikba minn fuq proġett li sar possibbli wara l-ħidma ta’ żewġ eks Ministri Nazzjonalisti

F’Lulju 2013 beda xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ Santa Marija tar-Rokna f’Ħal Tarxien, fi proġett maqsum fuq numru ta’ fażijiet, li jinkludu r-restawr tal-faċċata ewlenija tal-Kappella u l-kampnari. Minkejja li l-proġett kien il-ħolma u sar possibbli wara l-ħidma ta’ Jason Azzopardi u George Pullicino, żewġ Ministri fi Gvern Nazzjonalista, waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici fl-aħħar jiem, ħataf l-opportunità li jinqeda b’dan il-proġett biex jiftaħar kemm il-Gvern għandu għal qalbu l-konservazzjoni u r-restawr tal-Kappelli f’Malta u Għawdex.

Barra minhekk, għal din iż-żjara, li għaliha attenda s-Sindku Laburista tal-lokal Joseph Abela, il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista lanqas biss kienu mistiedna formalment. Aktar minn hekk, jirriżulta li meta mistoqsi diversi drabi minn Kunsillier tal-PN sa ftit jiem qabel żar il-post Owen Bonnici, is-Sindku naqas milli jagħti risposta ċara dwar meta se jkun lest u jiġi inawgurat dan il-proġett.

Sadanittant, waqt iż-żjara tal-Ministru Owen Bonnici kien spjegat kif fl-ewwel parti tal-proġett sar tindif tal-faċċata minn siment u żebgħa li kienu saru maż-żmien, kif ukoll inbidlu knaten li kienu tkissru. Dan il-proġett issa mistenni jidħol f’fażi oħra tiegħu, fejn jiġu restawrati wkoll il-ġnub u l-istruttura tal-koppla. Matul ix-xogħol li sar fuq il-Kappella, instabu taħżiżiet fil-forma ta’ graffiti, maħsuba li huma l-inizjali ta’ żewġ aħwa li bnew il-kampnari fl-1909.

Ix-xogħolijiet ta’ restawr qed jitmexxew mid-Direttorat tar-Restawr. Aktarx li din il-Kappella hi magħrufa bħala ta’ Santa Marija tar-Rokna propju għax tinsab imdaħħla f’rokna u qabel l-1909, il-bieb prinċipali tagħha kien fil-ġenb.