Jekk tħallas bil-karawett, tieħu lura x-xadini. Din kienet id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella biex jipprova jiġġustifika dak li Sai Mizzi qed iddaħħal mingħand il-Gvern. F’intervista mal-ġurnal The Malta Independent, George Vella ġġustifika s-salarju ta’ €13,000 fix-xahar li qed tieħu l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bħala Mibgħut Speċjali tal-Malta Enterprise, u li bil-perkaċċi b’kollox jammonta għal tliet darbiet aktar mill-predeċessur tagħha.
B’ton ironiku, l-istess Ministru Vella sostna li dak li qed taqla’ Sai Mizzi hu wkoll ħafna aktar minn dak li jitħallas Ministru. Madankollu, ifakkar George Vella, Sai Mizzi ma taqax taħtu u mhux hu kien li appuntaha. Qal li xogħol il-Ministeru tiegħu hu li jiżgura li jkun hemm kemm jista’ jkun kordinazzjoni bejn l-Ambaxxatur f’Beijing u s-Sinjura Mizzi.
Sadanittant, mistoqsi dwar il-verżjonijiet differenti li ħareġ bihom il-Gvern dwar il-każ ta’ Martin Galea, il-Ministru George Vella qal li l-Prim Ministru Muscat dejjem qal li l-ħaddiem Malti taż-żejt fil-Libja kien ikkunsidrat bħala “ragel maqbud”. Wara li l-Gvern kien iddikjara li Galea kien inħataf, kien il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, li kien inkarigat biex jikkomunika mal-mezzi tax-xandir l-iżviluppi relatati mal-krizi fil-Libja, li ddikjara li l-kelma “ħtif” intużat mill-media.
Mandankollu, aktar tard dawwar il-verżjoni u ammetta li Galea kien maħtuf. Dwar dan, Vella sostna li l-mistoqsija għandha ssir lil min qal mod ieħor. “Aħna qatt ma kellna l-ebda indikazzjoni li Galea ma nħatafx”, sostna l-Ministru, “jew li nżamm f’detenzjoni għas-sigurtà tiegħu”. Dwar il-Libja, Vella ċaħad ukoll li l-Konslu Malti Marisa Farrugia ġiet sospiża minħabba l-involviment tagħha f’xi racket dwar il-visas. Qal li Farrugia kellha rwol importanti fil-ħelsien ta’ Martin Galea, filwaqt li ċaħad ukoll li l-Konslu ngħatat il-ġenb dakinhar tal-wasla ta’ Galea.
Fl-intervista, George Vella ddefenda wkoll il-kummenti kontroversjali li kien għadda dwar il-kriżi fl-Ukrajna, meta kien qal li mal-wasla tiegħu fil-kapitali Ukrena kien ra kollox normali. Sostna li sab kulma wieħed jistenna li jsib f’belt kapitali, iżda żied jgħid li kieku mbagħad wieħed kellu jivvjaġġa lejn il-postijiet milquta, ix-xenarju jkun totalment differenti. L-istess is-sitwazzjoni fil-Libja, sostna Vella, li ddefenda wkoll il-mod kif mexa l-Gvern Laburista fil-każ tal-evakwazzjoni tal-Maltin minn dan il-pajjiż u li l-Gvern żamm l-Ambaxxata miftuħa, kif ukoll wieġeb għall-kritika li għamlu numru ta’ Maltin li ġew abbandunati.
Fid-dawl ta’ theddid ġdid li qed tiffaċċja d-dinja, fost l-oħrajn bil-każ tal-militanti Iżlamiċi tal-ISIS li qed jinfiltraw diversi pajjiżi, fosthom l-Iraq u s-Sirja, George Vella sostna li n-newtralità ta’ Malta ma tipprovdix serħan il-moħħ f’każ li din it-theddida tasal ukoll fuq pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan, qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, wasal iż-żmien li Malta tirrevedi l-proviżjonijiet tad-difiża militari biex tkun protetta jekk jinqala’ l-bżonn.
Dak li kien jgħodd fit-tmeninijiet m’għadux jgħodd għaċ-ċirkostanzi tal-lum … hi perċezzjoni li għax aħna newtrali, ħadd ma jista’ jmissna, sostna Vella. Esprima wkoll il-biża’ tiegħu li dawn l-estremisti, li qal li huma aktar perikolużi mill-Al Qaeda, jidħlu wkoll fil-Libja bħala pajjiż ġar ta’ Malta. Qal li fil-preżent, pajjiżna m’għandux ir-riżorsi biex jiddefendi lilu nnifsu minn theddidiet bħal dawn, kif għandhom pajjiżi oħrajn.
//= $special ?>

