Lokali

Is-CMTU ma taqbilx mal-mod kif l-MEA kkummentat fuq is-sick leave

Is-CMTU qalet li ma taqbilx mal-mod kif l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) kkummentat fuq is-sick leave u tistenna li l-MEA tiddikjara ruħha kontra l-esplojtazzjoni tal-ħaddiema li ssir minn ċerti nies li jħadmu.

Fi stqarrija, is-CMTU qalet li hi sorpriża li l-MEA rrikorriet għall-Malta Council for Economic and Social Development (MCESD) biex tniedi l-proposti tagħha, minflok ma ddiskutiethom fl-Employment Relations Board. Is-CMTU żiedet tgħid li filwaqt li taqbel li hemm bżonn titjib u aktar żvillup fil-liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali, ma taqbel xejn mal-mod ‘frivolu’ kif l-MEA kkummentat fuq is-sick leave.

Is-CMTU sostniet li għalkemm hi kontra kull abbuż minn impjegati individwali jew kollettivament, tistenna li l-MEA tiddikjara ruħha kontra kwalunke esplojtazzjoni minn min iħaddem. Skont is-CMTU din xi drabi tkun tikkonsisti fi prattiċi illegali flimkien ma’ nuqqas serju ta’ infurzar.

Hija kompliet l-istqarrija billi qalet li kien ikun aktar għaqli kieku l-proposti tal-MEA tressqu quddiem l-Employment Relations Board biex isir dibattitu preliminari kostruttiv qabel ma l-kwistjoni tittieħed f’livell ieħor.