Internazzjonali

Jintlaqat konvoj tar-refuġjati

Il-militar tal-Ukrajna qal li ħafna nies inqatlu meta konvoj ta’ refuġjati intlaqat mill-missili u l-ballal li kienu sparati minn mortars u bir-riżultat li nqerdu numru ta’ vetturi.
Il-vetturi inkwistjoni kienu qed iwasslu r-refuġjati ‘il hinn miz-zona ta’ Luhansk, li tinsab fl-Ukrajna tal-Lvant. Intant, il-Gvern Ukren qed jgħid li l-militanti li jridu l-unjoni mar-Russja huma responsabbli għad-dmija, u avolja dawk is-separatisti ċaħdu li kellhom x’jaqsmu mal-attakk inkwistjoni.

 
L-istraġi seħħet qrib il-villaġġ ta’ Novosvitilivka u meta kienu rrappurtati l-isparaturi tal- artillerija intensivi fl-inħawi. Dan waqt li l-qawwiet tal-Gvern tal-Ukrajna qegħdin jersqu aktar qrib ta’ Luhansk ( li hi kkontrollata mill-militanti separatisti) fejn ir-residenti qegħdin jispiċċawlhom il-provvisti bażiċi.

 
Intant, kelliema għall-Gvern Ukren qalu li numru ta’ nisa u t-tfal tilfu ħajjithom waqt il-bumbardament fuq il-konvoj li kien qed jivvjaġġa minn triq lejn il-Lvant ta’ Luhansk. Mifhum li numru ta’ nies ‘inħarqu ħajjin fil-vetturi tagħhom’, bil-Gvern fi Kiev qed ikompli jinsisti li huma ‘inqatlu mill-militanti li qed jingħataw l-armi mir-Russja’.