L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal nieda l-10 edizzjoni tal-kors dwar id-drittijiet tat-tfal “Rights4U”. Minħabba r-rispons pożittiv, dan il-kors se jkun imqassam fi tliet live-ins ta’ tlett ijiem. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, applikaw mil-anqas 120 żagħżugħ u żagħżugħa, fl-età ta’ bejn it-13 u l-15-il sena, li se jipparteċipaw f’attivitajiet u diskussjonijiet biex jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom.
L-għan tal-kors hu li l-parteċipanti jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom għall-ħsieb, filwaqt li jibnu relazzjonijiet soċjali aħjar u aktar rispett lejn xulxin. Din is-sena, il-kors qed jitratta l-użu aktar sigur tat-teknoloġiji moderni u se jinkludi attivitajiet dwar is-sigurtà fuq l-internet bħala parti mill-inizjattiva “BeSmartOnline!”.
L-ewwel live-in sar bejn il-11 u t-13 ta’ Awwissu, filwaqt li t-tieni mis-sensiela live-in kien inawgurat dalgħodu mill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u mill-Kummissarju għat-Tfal Helen D’Amato. Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll fost l-oħrajn il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar u d-Direttur ta’ HSBC Malta Foundation Josef Camilleri, minħabba li din l-organizzazzjoni qed tappoġġja l-inizjattiva mill-aspett finanzjarju.
Il-Kummissarju għat-Tfal Helen D’Amato se tattendi għal dan il-live-in biex tippromwovi aktar id-djalogu u tirċievi l-kummenti mingħand il-parteċipanti nfushom. It-tielet live-in mistenni jsir bejn is-26 u t-28 ta’ Awwissu.
//= $special ?>

