Fl-Omelija tiegħu fil-Katidral tal-Assunta, fil-Belt tal-Victoria, Għawdex, l-E.T Mons. Mario Grech ħeġġeġ għal aktar ħidma għal-liberta’. Dan qalu f’Jum il-Festa ta’ Santa Marija nhar il-Ġimgħa 15 t’Awwissu fejn l-Isqof t’Għawdex wera l-ħsieb tiegħu fuq dak il-ħażin li qiegħed jieħu vantaġġ mit-tajjeb.
“Fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna hemm ġrajja importanti marbuta mal-festa ta’ Santa Marija”, dan kien id-diskors tal-bidu mill-E.T Mons. Mario Grech fejn irrefera għall-Konvoj ta’ Santa Marija u li bis-saħħa tiegħu l-poplu Malti mhux biss ġie meħlus mill-ħakma tan-Nażiżmu, fejn pajjiżna beda triq twila minsuġa b’kisbiet kbar f’dawk li huma libertajiet politiċi, ekonomiċi u soċjali.
Skont Mons. Grech l-erba’ anniversarji kbar li l-Istat Malti qed ifakkar din is-sena għandhom inniżlu aktar għaqda bejn il-Maltin u l-Għawdxin. Dan għandu jkabar aktar is-sens ta’ Stat u li fost il-Maltin ikun hemm sens ta’ kburija b’dawn il-kisbiet.
L-Isqof t’Għawdex qal li fil-kuxjenza tal-lum, il-libertà hija meqjusa bħala l-ogħla ġid li kull ġid ieħor huwa subordinat għalih. Hu qal li bħalissa pajjiżna qiegħed iħabbat wiċċu ma’ proċess fejn il-liberta’ qed tiġi użata għall-interessi anqas nobbli. Interessi li jsewdu s-soċjeta’ Maltija.
L-E.T Mons. Mario Grech qal li minħabba l-pressjoni fl-ekonomija ħafna m’humiex liberi li jagħmlu ċerti għażliet f’ħajjithom u jaqgħu għal mażra li torbtilhom riġlejhom għal snin twal. Hemm in-nuqqas tad-drittijiet tal-ħaddiema, u xi kultant ikun hemm motivi egoistiċi ta’ min tal-ħaddiem lejn min iħaddem u viċi-versa. B’dan l-għaġir jistaqsi x’sar minnha l-liberta’.
Huwa kompla billi qal li jkun hemm li ma jħallux lill-oħrajn jgħixu fil-liberta’ minħabba l-pressjoni sottili tal-politika partiġġjana. “Hemm ħafna ma jgħidux dak li jħossu li għandhom jgħidu” – kompla l-Isqof t’Għawdex. Huwa qal li l-medja saret magna propagandista influwenti f’idejn min għandu l-poter finanzjarju jew politiku u l-medja mhux qed taqdi l-irwol prinċipali tagħha, dik li twassal l-aħbar fuq il-prinċipji tas-sewwa.
Hemm oħrajn li ġġieldu biex jinkisbu ċerti libertajiet, pero kien hemm oħrajn li servew biex il-persuna tiġi ridotta għall-individwu depersonalizzat.
Mons. Grech qal li hemm kultant anke fil-knisja jkun hemm ċerta asfissja li tnaqqas il-libertà tal-Insara. Filfatt huwa jħoss li huma l-ħafna dawk ossessjonati bit-tradizzjoni, bħal donnhom jibżgħu jerħu r-ritwali tal-imgħoddi u flok jaħsbu b’viżjoni, jippreferu jaħsbu b’lura. Dan kollu huwa xkiel għal-libertà tal-Ispirtu li għandu qawwa li jwelled il-ġdid. Knisja li mhix ħielsa li tinfatam mill-passat. Knisja li titlef il-kapaċità ġenerattiva tagħha li tkompli tissawwar fuq il-ġdid.
“L-unika possibilta’ fejn int tista tkun tassew liberu, hija l-għarfien tal-Infinit”. Huwa għalaq billi qal li xejn fid-dinja ma jimla kollox il-qalb umana, ħafna drabi il-poplu jkun bagħtut, iżda hija l-ipostesi raġenovoli li tista’ tgħinna nkunu liberi.
//= $special ?>

