Il-backbencher tal-Gvern Marlene Farrugia reġgħet għamlet attakk ieħor dwar id-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat. Din id-darba hi tat ħarsa lejn il-ħatriet għan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin u anke dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tad-Deputati u tal-membri tal-Kabinett. Id-Deputata Laburista bdiet l-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Tnejn f’ The Malta Independent billi qalet li s-Sajf jaf ikun perikoluż mhux minħabba xi maltempata mhux mistennija jew xi nar fil-foresti, li pajjiżna m’għandux, jew minħabba li jiżbroffa xi vulkan jew iseħħu xi terremot jew tsunami qrib tagħna.
Madankollu, jaf ikun perikoluż għax matulu nieħdu aktar vaganzi u allura jkollna aktar ħin biex naħsbu u nirriflettu. Meta nagħmlu hekk, kitbet Marlene Farrugia, jiżdied iċ-ċans li niddubitaw aktar fuq l-affarijiet li jkunu qed jiġru u naghmlu aktar domandi dwar dak li jkun qed iseħħ madwarna u nisfidaw id-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu. Għalkemm mhux kulħadd jagħżel li jipprattika l-ħsieb, ir-rutina aktar kalma tas-Sajf tipprovdilna l-opportunità biex niltaqgħu aktar wiċċ imb’wiċċ mar-realtà ta’ madwarna. F’dan il-kuntest, tkompli d-Deputata Laburista, anke f’dan il-pajjiż żgħir tagħna, timmanifesta ruħha bl-aktar mod ċar l-ipokrezija.
Tikteb li filwaqt li għadna kif iċċelebrajna l-Festa ta’ Santa Marija, li Farrugia tiddeskriviha bħala l-figura per eċċellenza li tirrappreżenta s-sbuħija u l-kobor tal-mara, f’Malta għadna sal-lum qed naċċettaw li l-mara tiġi mkasbra minkejja l-wegħdiet li aktar nisa jiġu appuntati f’pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, li jiżdiedu l-family friendly measures fil-postijiet tax-xogħol, li jingħata child care bla ħlas, li ma jkollniex nisa jaħdmu fil-prekarjat u li ngħinu aktar nisa jidħlu fi professjoni wara li jiggradwaw billi nipprovdulhom iċ-ċans li jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Marlene Farrugia sostniet li dan kollu jista’ jinbidel. B’referenza ċara għal Marie Louise Coleiro Preca, li tneħħiet mill-Kabinett biex inħatret fil-kariga ta’ President, Farrugia qalet li iżda mhux billi wieħed jirrelega lill-aħjar Ministru mara li jkollu għal rwol mhux eżekuttiv. Kif ukoll, lanqas billi tkompli żżid l-iżbilanċ li jeżisti fuq livell ta’ gender fit-tmexxija tal-pajjiż. Staqsiet ukoll għaliex il-Gvern warrab assolutament il-possibbiltà li jikkunsidra li jappunta mara bħala l-Kummissarju Ewropew li jmiss f’isem Malta ħalli għallinqas jagħmel tajjeb għan-nuqqas kbir li jeżisti f’dan is-sens fuq livell lokali.
Il-backbencher Laburista kiteb ukoll dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari. Qalet li Deputati bħalha u membri tal-Kabinett kull sena jiddikjaraw l-assi tagħhom, kif wara kollox għandhom jagħmlu. Madankollu, staqsiet ikunx aktar prudenti u wasalx iż-żmien li jagħmlu l-istess anke persuni li jaħdmu f’Kastilja jew qrib l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministri, flimkien ma’ Kapijiet Eżekuttivi u l-qraba tagħhom. Temmet l-artiklu tagħha billi kitbet li hawn stejjer li qed jingħadu li, jekk huma veri u sakemm ma jiġux miċħuda, imorru għal kollox kontra dak li l-poplu vvota għalih daqshekk bi ħġaru fl-aħħar elezzjoni meta eleġġa lill-Gvern Laburista.
//= $special ?>