Ambjent Lokali

Nuqqas ta’ għarfien dwar x’inhu skart perikoluż u kif il-post għandu jiddisponi minnu

Stħarriġ tal-kumpanija Wasteserv wera nuqqas ta’ għarfien fost il-poplu dwar x’inhu skart perikoluż u l-effetti tiegħu, kif ukoll il-mod kif il-pubbliku għandu jiddisponi minnu. Dettalji dwar dan ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat, miċ-Chairman tal-Wasteserv David Borg u l-Uffiċjal Eżekuttiv Tonio Montebello, li matulha l-kumpanija ħabbret il-lotterija “Iġbor u Irbaħ bil-Fliexken u l-Bozoz”.

Mill-istħarriġ irriżulta li 17% tal-Maltin biss jafu li l-bozoz huma kkunsidrati bħala skart perikoluż u li għalhekk għandhom ikunu mormija fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff. Jirriżulta li fl-inizjattiva “Iġbor u Irbaħ bil-Fliexken u l-Bozoz” inġabru iktar minn miljun flixkun tal-plastik (medja ta’ 10,500 flixkun fil-ġimgħa). Il-pubbliku se jkun jista’ jikseb biljetti tal-lotterija billi jieħu bozoz użati fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff tal-Wasteserve u b’hekk jidħol biċ-ċans li jirbaħ premjijiet fil-lotterija li titla’ kull tliet xhur. Wasteserv qed tagħti wkoll ħames biljetti għal kull bozza wżata u biljett għal kull 10 fliexken.

Il-Ministru Leo Brincat tkellem dwar l-importanza tar-riċiklaġġ tal-iskart fil-pajjiż u qal li dan irid ikompli, fl-istess waqt li jitnaqqas il-volum tal-iskart iġġenerat ħalli l-immaniġġjar tal-iskart ikun qed jiġi indirizzat bl-aktar mod proattiv. Mill-istharrig tal-Wasterv, li kien mifrux fuq 1,400 persuna, irriżulta wkoll li ż-żgħażagħ taħt is-16-il sena kienu l-aktar infurmati dwar l-iskart goff, filwaqt li 43% qalu li huma jiddisponu mill-bozoz fil-borża s-sewda.

L-istħarriġ wera wkoll li hemm nuqqas ta’ għarfien dwar it-tip ta’ ħġieġ li jista’ jiġi riċiklat, fejn kienu biss 11% li qalu li jiddisponu mill-bozoz użati mal-iskart riċiklat. L-istħarriġ stabilixxa wkoll li 57% ta’ dawk li jiddisponu mill-bozoz b’mod skorrett ġieli wżaw is-servizz taċ-Ċentri għall-Iskart Goff biex jarmu skart ieħor. Leo Brincat ħabbar li l-Gvern se jibda proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-junk mail li jintbagħat fid-djar għax dan ukoll qed jikkawża ammont ta’ skart.