Żewġ żgħażagħ ingħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 wara li ġew mixlijin li weġġgħu ħafif Surġent tal-Pulizija, anke jekk fil-Qorti rriżulta li l-mira tagħhom ma kinitx il-Pulizija iżda bouncers ta’ stabbiliment f’Paceville. Daniele Festari, ta’ 18-il sena minn Ħal Tarxien, u Redeemer Bonnici, ta’ 20 sena mill-Fgura, wieġbu mhux ħatja li attakkaw bi vjolenza lil membri tal-Korp tal-pulizija, fosthom lis-Surġent tal-Pulizija Stefan Mercieca, u li ħallewh b’feriti ħfief.
L-Avukati Roberto Montalto u Simon Micallef Stafrace, li dehru għall-akkużati, talbu l-ħelsien mill-arrest iżda l-Ispettur Elton Taliana f’isem il-Prosekuzzjoni oġġezzjoni għat-talba minħabba li r-reati huma fuq Pulizija, li suppost qed iżommu l-ordni pubbliku, u anke minħabba li jridu jixhdu l-kuġini ta’ wieħed mill-imputati. L-Avukati qalu li waqt ġlieda li nqalgħet mal-bouncers intervejnew il-Pulizija, li kienu lebsin pajżana.
L-Ispettur Taliana qal li n-nies imorru Paceville biex jieħdu pjaċir u li l-Pulizija kienu hemm biex kollox imur sew. Madankollu, dan il-Pulizija spiċċa l-Isptar. Tenna li dwar dan il-każ kienu arrestati erba’ persuni, bit-tnejn l-oħrajn mistennija jitressqu fil-jiem li ġejjin. L-Avukat Montalto qal li l-klijent tiegħu pprova joħroġ mill-istabbiliment b’tazza f’idu, bil-bouncers jgħidulu li ma setax. Dan reġa’ daħal ġewwa beda argument, fejn spiċċa qala’ xeba’ mingħand iż-żewġ bouncers, u l-kuġini tal-akkużat involvew ruħhom fil-każ. F’daqqa’ waħda, numru ta’ Pulizija pajżana ntervjenew, iżda dawn qatt ma kienu l-mira tal-akkużati, qal l-Avukat.
L-Avukat Montalto qal li dan kien inċident sfortunat u l-problemi nqalgħu minn terzi persuni. Qal ukoll li l-akkużati għadhom żgħar u għandhom kondotta nadifa. Il-Maġistrat Marseann Farrugia tat il-libertà provizorja bil-kundizzjoni li jibqgħu d-dar bejn l-10pm u l-5am.
//= $special ?>
