Ekonomija Lokali

Ryanair b’rotot ġodda lejn East Midlands għas-Sajf 2015

Il-linja tal-ajru low cost Ryanair ħabbret rotta ġdida minn Malta lejn l-East Midlands fir-Renju Unit għas-Sajf li ġej. Din ir-rotta, li tħabbret ilbieraħ, se tibda topera darbtejn fil-ġimgħa minn April 2015 u diġà tinsab għall-bejgħ mis-sit elettroniku tal-linja tal-ajru. Ryanair qed tiċċelebra din ir-rotta ġdida billi qed tbiegħ l-ewwel biljetti tar-rotta għal €19.99 għal vjaġġi f’Settembru, Ottubru u Novembru 2015. Il-Marketing Executive ta’ Ryanair Lisa Cashin qalet li l-kumpanija se tkun qed tbiegħ 100,00 biljett b’dan il-prezz sa 12am li ġej.

Ryanair hi t-tieni l-akbar linja tal-ajru, wara l-Air Malta, li ttir minn u lejn pajjiżna. Din il-linja tal-ajru Irlandiża għandha sehem ta’ 28% mis-suq lokali. Bdiet ittir lejn Malta fl-2006, bl-ewwel titjira kienet minn Luton segwita minn titjiriet minn Pisa u Dublin. Sal-lum, Ryanair ittir fuq 28 rotta fi 11-il suq differenti tat-turiżmu lejn Malta. Fil-bidu ta’ Awwissu, wasal f’pajjiżna il-ħames miljun passiġġier ta’ Ryanair. Familja li tgħix l-Ingilterra kienet il-ħames miljun passiġġier tal-linja tal-ajru low cost mindu din bdiet ittir lejn Malta. Il-membri kollha ta’ din il-familja kienu ngħataw merħba speċjali fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.