Lokali

Wara xhur ta’ ħidma f’pajjiżna, jitlaq minn Malta r-rig taż-żejt ENSCO 5004

Wara aktar minn seba’ xhur f’pajjiżna biex isirulu xogħol ta’ titjib, ir-rig taż-żejt ENSCO 5004 telaq minn Malta wara l-ħidma li saret fuqu f’parti mis-sit ta’ dik li kienet il-Malta Shipbuilding, li ġie attrezzat temporanjament skont is-servizzi meħtieġa. Il-kumpanija lokali Ablecare Oilfield Services Group ħadet ħsieb tikkordina x-xogħol kollu li kien hemm bżonn biex ir-rig jerġa’ jiġi ċċertifikat u għax-xogħol ta’ titjib.

Ir-rig, li telaq minn Malta fil-jiem li għaddew, inġieb Malta mill-Brażil u minn pajjiżna telaq lejn l-Afrika ta’ Fuq. Iċ-Chairman ta’ Ablecare Oilfield Services Group Paul Abela qal li s-sidien tal-rig kienu sodisfatti ħafna bis-servizz li ngħataw u anke bil-post strateġiku ta’ Malta fil-Mediterran. Qal li dan il-proġett ġab miegħu sfidi kbar, li iżda ġew megħluba b’suċċess. Sostna li din il-ħidma għenet biex tpoġġew is-sisien għal proġetti oħrajn f’Malta.

Ix-xogħol estensiv sar minn madwar 75 ħaddiem Malti tas-sengħa, filwaqt li aktar minn 30 industrija lokali differenti ħadu xogħol ta’ sub-contracting ta’ servizzi anċillari, fosthom trasport, akkomodazzjoni u ikel. Kien hemm ukoll numru ta’ kuntratturi barranin li ħadu sehem fil-proġett. Fi stqarrija, il-kumpanija Ablecare qalet li fost oħrajn, ix-xogħol seta’ jsir ukoll grazzi għall-koperazzjoni li l-kumpanija sabet mill-Gvern u mill-awtoritajiet lokali.

Il-kumpanija Maltija sostniet li l-proġett ħalla kontenut għoli ta’ valur miżjud fl-ekonomija lokali u l-ħaddiema laħqu l-istandards meħtieġa, speċjalment fir-rekwiżiti rigorużi ta’ saħħa u sigurtà li jitlob dan is-settur speċjalizzat.