Għawdex Lokali Qorti

Aġġornata: Libertà proviżorja għal Qassis akkużat b’abbuż ta’ minorenni

Aġġornament 2: 4.05pm | Qassis żagħżugħ ingħata l-libertà proviżorja ibbażata fuq garanzija personali u depożitu qawwija ħafna wara li llum tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex akkużat b’abbuż ta’ minorenni fuq medda ta’ diversi xhur. Il-Qassis kien ordnat ukoll ma jersaqx lejn il-lokalitajiet tal-vittmi. Qabel daħal il-Qorti, il-Qassis għatta wiċċu mill-cameras tal-ġurnalisti, filwaqt li kif ħareġ hu baqa’ dieħel f’karozza li kienet qed tistenniehom wara l-Qorti biex jaħrab mill-ġurnalisti.

Min-naħa tagħha, kif ħarġet mill-Qorti l-Ispettur Sylvana Briffa qalet lill-ġurnalisti li uħud mix-xhieda qed jibżgħu jixhdu. Id-Difiża għamlet talba lill-Qorti biex il-każ jinstema’ bil-bibien magħluqa. Din it-talba ntlaqgħet immedjatament mill-Maġistrat Paul Coppini. Il-Qorti ordnat ukoll li ma jissemmewx l-ismijiet tal-Qassis jew tal-vittmi, kif ukoll dettalji tal-proċeduri fil-Qorti.

Minn informazzjoni li għandna jirriżulta li l-każ beda meta tifla ta’ tmien snin tkellmet ma’ xi ħadd dwar l-avvanzi tal-Qassis. Minn hemm, l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji bdiet l-investigazzjonijiet tagħha. Minkejja li għall-ewwel il-Pulizija bdiet issib diffikultà, jidher li maż-żmien kien hemm ħafna oħrajn li resqu lejn il-Pulizija u tkellmu dwar kif kienu għaddew mill-istess sitwazzjonijiet li allegatament għaddiet minnu t-tifla ta’ tmien snin.

L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li kien hemm numru ta’ persuni oħrajn li ġew investigati fil-jiem li għaddew b’rabta mal-każ. Mhux magħruf jekk l-akkużi jinkludux ukoll stupru jew xi reati sesswal oħrajn. Rapporti fuq il-media qed jgħidu li meta l-vittmi kienu avviċinati mill-Pulizija waqt il-perjodu tal-investigazzjoni, kienu ndunaw dwar xhiex se jkellmuhom. Hu mifhum li l-vittmi huma kollha tfajliet.

Għall-Qassis qed jidher l-Avukat Carmelo Galea, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Briffa.

Aktar kmieni …

Aġġornament 1: 3.35pm | Qassis ta’ madwar 30 sena tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, akkużat b’abbuż ta’ minorenni fuq medda ta’ diversi xhur. Qabel daħal il-Qorti, il-Qassis għatta wiċċu mill-cameras tal-ġurnalisti. Is-seduta qed tinstema’ b’bibien magħluqa fuq talba li saret mid-Difiża. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li numru ta’ persuni oħrajn ġew investigati fil-jiem li għaddew b’rabta mal-każ.

Għall-Qassis qed jidher l-Avukat Carmelo Borg.

12pm: Qassis ta’ madwar 30 sena llum tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex, akkużat b’abbuż ta’ minorenni fuq medda ta’ diversi xhur.

Aktar dettalji kif jaslulna …