Internazzjonali

Attakki u sparaturi ġodda fuq il-Medda ta’ Gaza

Il-militar Iżraeljan wettaq l-attakki mill-ajru ġodda fuq il-Medda ta’ Gaza b’ritaljazzjoni għall-isparar tal-missili mill-militanti Palestinjani lejn l-ibliet Iżraeljani ta’ Beersheba u Netivot.

L-aħħar attakki u sparaturi seħħew sigħat ‘il bogħod minn xulxin u minkejja li ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaza kien estiż b’24 siegħa wara taħditiet relevanti fil-Kajr, il-belt kapitali tal-Eġittu.

Intant, kelliema għall-Gvern Iżraeljan iġġustifikaw l-attakki mill-ajru wara l-aħħar aggressjoni fuq pajjiżhom mill-militanti Iżlamiċi f’Gaza. Huma qalu li l-isparar tal-missili lejn l-ibliet Iżraeljani kien seħħ bħala ‘abbuż dirett tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied’, iżda l-ebda entita ta’ militanti (f’Gaza) ma ħadet ir-responsabbilta.

Il-ftehim estiż għall-waqfien mill-ġlied kellu jibqa’ validu sa nofs il-lejl u bl-iskop li dan il-perijodu ta’ ‘kwiet relattiv’ jippermetti għal aktar taħditiet intiżi għal arranġament fit-tul bejn Iżrael u l-militanti Iżlamiċi Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza.

Intant, l-Uffiċjali Palestinjani sostnew li l-aħħar taħditiet ma pproduċewx ‘il-progress notevoli’ fl-isforzi lejn ftehim konkret ma’ Iżrael.

Madwar 2,016 il-Palestinjani u 66 Iżraeljani tilfu ħajjithom mindu Iżrael beda offensiva bla heda fuq l-inħawi ta’ Gaza, fit-8 ta’ Lulju li għadda.

Mifhum li ma weġġa ħadd fl-aħħar bumbardamenti fuq Beersheeba u Netivot, u li kienu jinvolvi l-ewwel attakki ta’ dan it-tip għal diversi ġranet.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-qawwiet ta’ Iżrael għandhom jirreaġġixxu bil-qawwi fil-każ li l-militanti tal-Hamas ikomplu jibbumbardjaw l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.