Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Diżgwid ieħor bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku Laburisti fil-Qala dwar il-Pjazza tal-lokalità

Is-sitwazzjoni fil-Kunsill Laburista tal-Qala Għawdex qed tkompli tmur għall-agħar. Fl-aħħar xhur irrappurtajna dwar diversi episodji li juru l-firda li teżisti fit-tmexxija tal-Kunsill bejn is-Sindku Clint Camilleri u l-Viċi Sindku Paul Buttigieg. Issa, fl-aħħar minn sensiela ta’ diżgwid bejn il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Viċi Sindku Laburista, fl-aħħar jiem faqqgħet kwistjoni oħra, dwar l-aċċessibbiltà ta’ Pjazza San Ġużepp u z-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-lokalità.

Fix-xhur li għaddew, din il-Pjazza ngħatat wiċċ ġdid wara proġett ta’ pavimentar, li għalih il-Kunsill preċedenti mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista kiseb €50,000 f’fondi mill-Unjoni Ewropea u €20,000 oħra inkisbu mill-kunsill atwali permezz tal-Ministeru għal Għawdex. Dan sar bi ftehim mal-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, li Pjazza San Ġużepp hi amministrata minnha. Qabel ma sar dan ix-xogħol, il-Pjazza kienet tintuża’ mill-mijiet ta’ klijenti li ta’ kuljum iżuru r-ristoranti li hemm fil-Qala u li kienu jistgħu jipparkjaw fil-Pjazza stess.

Madankollu, issa, is-Sindku Clint Camilleri jidher li għażel li jagħlaq l-aċċess għall-Pjazza b’detriment għall-ħwienet minħabba li l-klijenti tagħhom mhux isibu post fejn jipparkjaw. Biex jagħmel dan, is-Sindku ddeċieda li jwaħħal katina li timblokka l-aċċess għall-karozzi. Kollox jindika li Clint Camilleri ħa din id-deċiżjoni waħdu u wara li ftiehem mal-Kurja, allegatament minn wara dahar il-Kunsill, li min-naħa tiegħu kien iddeċieda kważi b’mod unanimu li l-aċċess għall-Pjazza għandu jibqa’ miftuħ.

Fil-fatt hu biss il-Kunsillier Laburista l-ieħor Jesmond Borg li jidher li qed jappoġġja lis-Sindku. Dan apparti li skont il-ftehim oriġinali mal-Kurja, li kien ġie ffirmat bejn il-Kunsill Lokali u l-Arċipriet tal-Qala, kien hemm miktub ċar li l-użu tal-Pjazza se jibqa’ kif kien bl-aċċess jibqa’ miftuħ.

Wara din id-deċiżjoni, il-Viċi Sindku Laburista Paul Buttigieg għażel li jisfida lis-Sindku billi qed ineħħi l-katina li timblokka l-aċċess u jipparkja l-karozza tiegħu f’nofs il-Pjazza. Fuq Facebook, Buttigieg spjega li fil-ftehim li l-Kunsill għamel mal-Knisja, kien hemm miktub li wara l-proġett din tibqa’ aċċessibbli. Ir-residenti Qalin ikkummentaw għall-post ta’ Buttigieg u esprimew l-appoġġ tagħhom. Fost oħrajn, residenta staqsiet jekk min ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-aċċess tal-Pjazza hux jaħseb li jista’ jagħmel li jrid.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsillier Laburista Jesmond Borg ukoll kiteb fuq Facebook, fejn attakka lill-Viċi Sindku u qal li dan jaf li l-Pjazza suppost magħluqa u xorta pparkja l-karozza hemm. Dan qanqal reazzjoni, fost oħrajn ta’ persuna qrib Borg, li għajjret lil dawk li jixtiequ li l-Pjazza tibqa’ aċċessibbli għal kulħadd bħala “ħmir”.

Jidher li s-Sindku qed jipproponi wkoll li r-ristoranti jitħallew jarmaw l-imwejjed fil-Pjazza kontra ħlas biex jinghataw il-permess. Saħanistra qed jingħad li mill-kera tal-imwejjed, il-Parroċċa tal-Qala tkun tista’ tnaqqas id-dejn li għandha. Madankollu, il-Qalin li tkellmu magħna qalu li dan ma jagħmilx sens għax inutli jkollok aktar imwejjed fil-Pjazza meta l-klijenti jispiċċaw ma jmorrux ‘l hemm għax ma jsibux fejn jipparkjaw.